Standards Pubbliċi: Delia ilu jistenna lill-PM għal 8 xhur

Adrian Delia
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħiereġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista wara laqgħa li kellu mal-Prim Ministru Joseph Muscat fis-26 ta' Settembru li għadda, ftit wara li laħaq Kap tal-PN. Arkivji.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilu jistenna risposta mingħand il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika għal madwar tmien xhur.

Dan qalu l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar id-dewmien fil-ħatra ta’ din il-Kummissjoni, 17-il xahar wara li l-liġi ġiet iffirmata mill-President.

Huwa spjega li l-Kap tal-Oppożizzjoni, f’isem l-Oppożizzjoni, kien ressaq isem għal din il-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Filwaqt li ma qalx min kien innominat, Cutajar qal li l-Oppożizzjoni għadha qed tistenna r-reazzjoni u r-risposta min-naħa tal-Prim Ministru għall-isem indikat minn Adrian Delia.

Il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards hija waħda mill-elementi fl-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Avviż Legali dwar dan l-Att għadu ma ġiex ippubblikat u għaldaqstant il-liġi għadha ma daħlitx fis-seħħ.

X’tibdiliet suppost ġabet il-liġi?

  • Standards ippubblikati f’Kodiċi ta’ Etika, kemm għall-Ministri, għall-Membri Parlamentari u għall-persuni ta’ fiduċja.
  • Ħatra ta’ Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, bl-approvazzjoni ta’ aktar minn żewġ terzi fil-Parlament.
  • Kumitat Permanenti ġdid fil-Parlament immexxi mill-Ispeaker, biex jevalwa l-każijiet ta’ ksur ta’ Kodiċi ta’ Etika u fejn jinstab li kien hemm ksur jipproponi sanzjonijiet.