Standards ġodda għar-residenzi tat-tfal

Fir-residenzi li jospitaw tfal li jinsabu taħt ħarsien alternattiv ġew introduċuti sett ta’ standards regolatorji li bihom se jkunu qed jiġu regolati s-servizzi offruti mill-uffiċċju kif ukoll is-servizzi residenzjali.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, waqt żjara fir-residenza Frate Jacoba li tilqa’ fiha tmien subien li jinsabu taħt ħarsien alternattiv.

Żied li dawn l-istandards jinkludu verżjoni apposta għat-tfal sabiex ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u jkunu infurmati kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet li qed jaffettwaw lilhom.

Minister for the Family, Children’s Rights and Social Solidarity Michael Falzon launches the Standards for Children Living in Alternative Care

Il-Ministru faħħar lil dawk kollha li jieħdu ħsieb dawn ir-residenzi li jirrikjedu attenzjoni, reżiljenza, stabilità u kontinwità fl-aħjar interess tat-tfal.

Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li min-naħa tiegħu qal li jinsab kuntent bil-livell mogħti f’dawn ir-residenzi li juri l-inklużjoni għal kull tifel u tifla.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, Matthew Vella, qal li dawn l-istandards saru fl-aħjar interess tat-tfal kif ukoll li jwasslu l-prinċipji ta’ governanza u tas-simplifikazzjoni tal-proċessi li jwasslu għal servizzi tal-ogħla kwalità.

It-tfal kienu il-qofol fil-konsultazzjoni ta’ dawn l-istandards kif ukoll il-professjonisti u l-provdituri tas-servizzi f’dan il-qasam.