Standard and Poor’s bi tbassir pożittiv għal Malta

L-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, Standard and Poor’s, għolliet it-tbassir għall-ekonomija ta’ Malta minn stabbli għal pożittiv.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, qal li l-pajjiż kiseb dan ir-riżultat hekk kif il-Gvern irreġistra surplus ta’ €31 miljun fl-ewwel tmien xhur tas-sena, u dejn tal-pajjiż dejjem qiegħed jonqos.
Huwa spjega li, permezz ta’ dan ir-riżultat, Standard and Poor’s se tkun qed ittella’ l-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Malta is-sena d-dieħla, hekk kif is-sena l-oħra l-agenzija tellgħet l-istess klassifikazzjoni ta’ pajjiżna minn ‘BBB+’ għall-‘A-’.
Fir-rapport tagħha, l-agenzija kkonfermat li l-pajjiż għaddej minn tkabbir ekonomiku, li se jibqa’ għaddej għal dawn it-tliet snin li ġejjin permezz ta’ setturi ġodda li qed jinvesti fihom il-Gvern, fosthom it-turiżmu, is-saħħa, u l-iGaming.