“Stajt tliftek ma” – bint impjegata ta’ spiżerija f’Tas-Sliema

Tamara Webb, stilla Maltija fuq Instagram, tellgħet ritratt tagħha m’ommha u qaltilha li għalkemm setgħet tilfitha u dak kollu li għaddiet minnu għadha bi tbissimha fuq fommha.

Omm Tamara hija impjegata fl-ispiżerija f’Tas-Sliema, li lbieraħ filgħodu nħakmet min-nirien.

Tellgħet ukoll ritratt ieħor li juri li mill-basket ta’ ommha kien fadal biss ritratt tal-familja u karta tal-€50.

“Kienet ġurnata kerha, imma l-aqwa li ommi qawwija u sħiħa”

Intant fuq Instagram Tamara tellgħet filmat fejn qalet li għadha kif waslet id-dar. Iddeskriviet li hi u kulħadd fil-familja kienu qed iħossuhom imkissra.

Irrimarkat li kien jum ikrah, imma fl-istess ħin tajjeb għax b’xorti tajba kollox intemm b’wiċċ il-ġid u ommha tinsab qawwija u sħiħa.

Tamara enfasizzat li fi ġranet bħal dawn, tkompli ssaħħaħ dak li ġieli qalet, li l-ħajja mhi xejn u għaldaqstant assolutament xejn mhu relevanti, “għax meta jiġrulek dawn l-affarijiet tinduna kemm dak li ninkwietaw dwaru normalment ma jkun xejn”.

Fortunatament ħadd ma ndarab f’dan l-inċident.