“Setgħu żiduni fi gruppi bla kunsens” – il-PM

Parlament
Arkivji

Read in English.

Il-profil tal-Prim Ministru Joseph Muscat fuq Facebook seta’ ddaħħal membru ta’ gruppi ta’ mibiegħda (hate groups) mingħajr il-kunsens.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux bilfors wieħed irid jaċċetta profil fuq Facebook biex ikun parti minn dak il-grupp iżda jista’ jiddaħħal mingħajr kunsens jew b’mod kunxju minn terzi.

Muscat kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil dwar jekk dan l-aħħar ħariġx minn xi gruppi li jintużaw bħala hate groups u li fihom tiġi ġġenerata u tinxtered mibgħeda dwar in-nies, speċjalment avversarji politiċi tiegħu.

Anki d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien żvela din l-informazzjoni fil-Parlament.

Fil-mistoqsija tiegħu, Busuttil kien qed jagħmel referenza għall-istorja li dehret fuq is-sit The Shift fejn żvela l-eżistenza ta’ gruppi ta’ mibgħeda kontra l-Arcisqof, il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Prim Ministru qal li l-paġna politika attiva tiegħu, @josephmuscatdotcom, hija dik uffiċjali u vverifikata minn Facebook stess.

Huwa qal li din mhix membru tal-ebda grupp fuq Facebook.

Min-naħa l-oħra jeżisti wkoll ‘profil’ fuq Facebook, li huwa distint mill-‘paġna’. Dwar dan il-profil, il-Prim Ministru qal li jinsab infurmat li kwalunkwe grupp fuq Facebook jista’ jdaħħal profil ta’ xi ħadd bħala membru ta’ grupp fuq Facebook mingħajr il-bżonn li dak il-profil jaċċetta.