“Stajt kont fost il-vittmi tat-titjira MH17” – Fabian Demicoli

“Ħassejtni xxukkjat meta rrealizzajt li stajt kont fuq l-ajruplan li ġġarraf fl-Ukraina din il-ġimgħa, wara li spiċċa fil-mira tal-missili.”
Fabian Demicoli, il-preżentatur tal-programm Newsbook fuq RTK iddeskriva t-tensjoni li ħakmet lilu u lill-familja tiegħu, wara t-traġedja ta’ nhar il-Ħamis li għadda, fejn tilfu ħajjithom 298 persuna.
Fabian kien se jattendi bħala delegat Malti u rappreżentant tal-Ġurnalisti Żgħażagħ fl-Ewropa, għall-konferenza dwar l-AIDS li kienet se ssir f’Melbourne fl-Awstralja għada l-Ħadd. Qal li kieku ddeċieda li jmur, kien se jaqbad it-titjira tal-Malaysia Airlines MH17, li telqet mill-Olanda għal Kuala Lampur.
Jirrakkonta kif kien diġà rreġistra għal din il-konferenza u “ddeċidejt li nħassar l-attendenza tiegħi minħabba impenji ta’ xogħol.”
Kompla jgħid kif l-organizzaturi ta’ din il-konferenza kienu talbu lill-parteċipanti kollha biex jiltaqgħu f’ajruport komuni – dak ta’ Shiphol f’Amsterdam fl-Olanda, minn fejn telaq l-ajruplan tal-Malażja.
Fabian jgħid li l-akbar xokk ħadu meta rċieva imejl mingħand l-organizzaturi li fiha ġie kkommunikat li l-108 delegati li kienu se jieħdu sehem f’din il-konferenza dwar l-AIDS, kienu kollha tilfu ħajithom f’din it-traġedja.