Aġġornata: Strajk u azzjonijiet oħra fl-MCAST

Il-Unjin tal-għalliema Maltin, l-MUT ħabbret strajk u azzjonijiet industrijali fl-MCAST wara li attendiet għal tliet laqgħat mal-amministrazzjoni u ma ntlaħaqx qbil.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li ma ratx rieda tajba min-naħa tal-MCAST biex l-għalliema f’din l-istituzzjoni jiġu ttrattati bl-istess mod ta’ kif jiġu ttrattati f’istituzzjonijiet post-sekondarji oħra. L-MUT kompliet tgħid li minflok għamlet dan, l-MCAST prova jsikket lill-għalliema billi fetaħ proċeduri legali biex iwaqqaf id-direttivi tal-Unjin.
B’riżultat ta’ dan, l-MUT ħabbret strajk għall-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin bejn l-10am u nofsinhar.
Aktar azzjonijiet industrijali mistennija jibdew l-Erbgħa li ġej, bl-Unjin tappella lill-edukaturi fil-livelli kollha fl-MCAST biex ma jippubblikawx l-ebda tip ta’ riżultati tal-assignments jew feedback relatat mal-assignments.
“L-MCAST dejjem wera sinjal ta’ rieda tajba biex jintlaħaq ftehim”
Fi stqarrija, l-amministrazzjoni tal-MCAST qalet li l-istitut dejjem wera sinjal ta’ rieda tajba biex jintlaħaq ftehim għall-benefiċċju tal-għalliema u l-istudenti tiegħu.
L-istqarrija tgħid ukoll li l-MCAST temmen li mil-laqgħat li saru sar progress u jekk il-laqgħat ikomplu temmen li jintlaħaq qbil, filwaqt li fakkret li bħala sinjal ta’ rieda tajba min-naħa tat-tmexxija tal-MCAST, ġie rtirat il-mandat ta’ inibizzjoni.