Staġun tal-Kaċċa: 1,000 spezzjoni f’Malta u 300 f’Għawdex

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali fi stqarrija ħabbar li fl-ewwel ħamest ijiem tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa saru aktar minn 1,300 spezzjoni, 1,040 f’Malta u 332 f’Għawdex.
Ix-xogħol sar minn sezzjoni tal-infurzar tal-Wild Birds Regulation Unit, flimkien mal-Pulizija tal-ALE u li fih ħadu sehem xejn inqas minn 47 uffiċjal li għamlu xogħol ta’ sorveljanza f’diversi nħawi.
Il-Gvern qal li waqt li kienu qiegħdin isiru dawn l-ispezzjonijiet, tneħħew ukoll numru ta’ decoys tal-gamiem peress li dawn mhumiex permessibbli f’dan iż-żmien.
L-ALE wettqu wkoll 157 spezzjoni fit-toroq bl-għan illi jiġu vverifikati obbligi legali tal-liċenzja speċjali u regolamenti oħra relatati mal-ġarr tal-armi.
Fi stqarrija separata, il-BirdLife qalet li lbieraħ intlaqat it-tieni bagħdan aħmar fl-inħawi tal-Miżieb, fejn lanqas biss issir kaċċa għas-summien.
Tlitt ijiem ilu tajra tal-istess razza instabet midruba ħdejn it-triq li twassal għal Ta’ Pinu f’Għawdex. Il-ġrieħi li kellha dit-tajra kienu infettati bid-dud.