Staġnati n-negozjati bejn l-MCAST u l-MUT

In-negozjati bejn l-MCAST u l-Unjin tal-Għalliema (MUT) jidher li huma staġnati, minkejja li l-MCAST talbet li ssir laqgħa biex ikomplu n-negozjati.
Fi stqarrija, l-MUT spjegat kif wara l-mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT, MCAST talbet li ssir laqgħa konċiljatorja biex ikomplu n-negozjati.
Minkejja dan, il-unjin spjegat li l-MCAST għamlitha “impossibbli” għaliha biex tattendi ġaladarba l-każ issa qiegħed quddiem il-Qorti.
Il-każ se jkun qed jinstema’ nhar il-Erbgħa.
L-amministrazzjoni tal-MCAST għamlet mandat ta' inibizzjoni kontra l-Unjin tal-għalliema, l-MUT biex twaqqaf l-istrajk li kellu jsir bejn ilbieraħ u llum.
Il-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT), Marco Bonnici, iddeskriva din l-azzjoni bħala manifestazzjoni ċara li l-MCAST qed jipprova jsikket u jwaqqaf l-Unjin milli tagħmel xogħolha fl-interess tal-membri tagħha.
Għal din l-azzjoni tal-MCAST irreaġixxa wkoll il-Forum tal-Unjins Maltin (For.U.M), li qal li jħossu ddiżappuntat li l-MCAST marret għand il-Qorti biex twaqqaf lill-ħaddiema tagħha mid-dritt tal-istrajk.
Fost affarijiet oħra, l-MUT qed titlob kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-għalliema.
"L-inċertezza fl-MCAST hija riżultat tel-ebusija ta’ ras tal-Gvern" -PN
F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li l-mandat ta' inibizzjoni iċaħħad id-dritt tal-membri tal-Unjin tal-Għalliema milli jagħmlu azzjoni industrijali.
Qal li dan ikomplu juri n-nuqqas ta' rispett li l-Gvern għandu lejn il-ħaddiema u dawk li jirrapreżentawhom.
"L-inċertezza fl-MCAST hija riżultat tel-ebusija ta’ ras tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li baqa’ ma ffirmax ftehim ġdid mal-għalliema tal-MCAST wara li dan skada f’Diċembru 2016," saħaq il-PN.
Insista li dan qed jolqot ukoll lill-istudenti u qed joħloq sitwazzjoni ta’ antagonismu bejn l-istaff akkademiku u l-istudenti.
Il-letturi tal-Università jesprimu solidarjetà mal-għalliema tal-MCAST
L-Assoċjazzjoni tal-Istaff Akkademiku tal-Università ta' Malta wkoll ikkundannat l-aġir tal-MCAST u ddeskriviet l-aġir tagħha bħala "mossa mingħajr preċedent."
Iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda "allarmanti" u esprimiet is-solidarjetà u s-sapport tagħha mal-għalliema u l-MUT.