Staff ta’ Caritas Malta jtemmu esperjenza ta’ formazzjoni f’San Patrignano

Staff tal-proġett Tama Ġdida fi ħdan Caritas Malta għadhom kif temmew esperjenza ta’ formazzjoni fil-Komunità ta’ San Patrignano f’Rimini, l-Italja. Komunita’ li tħaddan madwar 1400 resident li qed jagħmlu programm ta’ Riabilitazzjoni fuq tipi ta’ dipendenzi differenti.

San Patrignano huwa meqjus bħala l-ikbar komunità terapewtika residenzjali fid-dinja li ilha taħdem għal dawn l-aħħar erbgħin sena ma’ persuni li għandhom problema ta’ dipendenza tad-drogi biex ikunu jistgħu jirritornaw lura f’soċjetà ħielsa minn dawn id-dipendenzi.

Caritas Malta temmen li b’dawn l-esperjenzi ’l bogħod minn xtutna, l-istaff jieħu informazzjoni dwar ħidmiet f’dan il-qasam u b’hekk Caritas tista’ tibqa’ ssaħħaħ is-servizzi tagħha u l-persuni li jaħdmu fi ħdanha.

Anthony Gatt, direttur ta’ Caritas Malta qal li l-formazzjoni personali u professjonali  u l-iżvilupp kontinwu ta’ l-istaff f’dawn l-oqsma huwa essenzjali biex il-persuni li jfittxu l-għajnuna isibu staff li dejjem aġġornat u preparat sew biex jirrispondi għall-bżonnijiet. Żjajjar ta’ dan it-tip huma parti mill-programm ta’ formazzjoni u aġġornament tal-istaff li qed ikunu possibli anke bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej.

F’dawn is-snin San Patrignano ra ’l fuq minn 30,000 persuna jattendu dan il-programm li jieħu madwar tliet snin u nofs, Din il-komunita tibbaża ħafna fuq metodu ta’ intrapriża soċjali.  L-esperjenza ta’ staff mid-diversi komunitajiet terapewtiċi għar-riabilitazzjoni mid-droga, minn Caritas Malta, kienet waħda li tagħti ħarsa lejn progammi  oħra u kif ukoll jesperjenzaw persuni li ġejjin minn madwar id-dinja; xi jkun wassal lilhom biex ikunu dipendenti fuq sustanzi, logħob ta’ azzard u dipendenzi simili li jwaqqfu l-ħajja ta’ persuna milli tgħix bid-dinjità li tixraqilha ħielsa minn dan ix-xkiel ta’ dipendenza.