Stabbilimenti għandhom bżonn ċertifikat għall-ilma jekk parti minn kumpless

Read in English.

Il-ħwienet li huma parti minn kumpless jew lukanda u l-provvista tal-ilma ġejja mis-sistema tal-ilma tagħhom għandhom bżonn ċertifikat dwar il-kwalità tal-ilma.

Wara li qamet ftit konfużjoni fost il-hairdressers u s-sidien tar-ristoranti dwar il-provvista tal-ilma, id-Dipartiment tas-Saħħa qal li jekk il-provvista tal-ilma ġejja dirett mill-main, huwa biżżejjed li jinfetħu l-viti kollha l-ilma għal ftit minuti. Dan minħabba t-theddida tal-Leġjonella.

Jekk il-provvista tal-ilma ġejja mit-tank ta’ fuq il-bejt, din għandha titnaddaf u s-sistema tal-ilma għandha titħalla tgħaddi għall-ftit minuti. Huwa importanti li t-temperatura tat-tagħmir li jsaħħan l-ilma (water heater) tittella’ għal 60 grad Celcius u għalhekk ma jkunx hemm il-bżonn li wieħed jieħu kampjuni li jingħata l-approvazzjoni tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.

Jekk il-ħanut jagħmel parti minn kumpless jew lukanda u l-provvista tal-ilma ġejja mis-sistema tal-ilma tagħhom, wieħed għandi jsegwi l-proċeduri mniżżla fil-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-ħwienet tax-xagħar, għall-barbiera u għal tad-dwiefer (Annex 1) fuq is-sit elettroniku www.covid19health.gov.mt.

#watersystems #legionella #mitigationmeasures

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Tuesday, May 19, 2020

Id-Dipartiment qal li għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex ikun assigurat li s-sistemi tal-ilma huma siguri biex jipprevjenu r-riskju tal-infezzjonijiet li jiġu mill-ilma bħalma hi l-Leġjonella.

Intant kelliem għall-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma qal lil Newsbook.com.mt li s-servizzi tal-accredited lab tagħhom ilhom jiġu offruti. Dawn għadhom disponibbli għall-individwi u kumpaniji li jixtiequ jittestjaw l-ilma fid-dar jew stabbilimenti. Il-Laboratorju joffri testijiet kimiċi u mikrobijoloġiċi. 

Bini kummerċjali li jkun ilu magħluq għal ġimgħat biex titwaqqaf il-firxa tal-coronavirus jaf iżid ir-riskju għal infezzjoni oħra tal-pulmun: Legionnaires’ disease. Skont ir-Reuters, esperti tas-saħħa pubblika qed iħeġġu lis-sidien tal-proprjetà madwar id-dinja biex jiftħu l-bini magħluq b’kawtela biex jipprevjenu milli tfeġġ din il-forma ta’ pulmonite (pneumonia) li tista’ tkun gravi u xi drabi qattiela.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn