Sqallija: Żewġ Maltin involuti f’inċident tat-traffiku li ħalla tnejn mejta

Żewġ żgħażagħ Sqallin tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku fi Trapani wara li l-mutur li kienu fuqu ħabat ma’ karozza misjuqa minn żewġ Maltin.

L-inċident li kienu involuti fih Elio Barbera ta’ 30 sena u Davide Sanna ta’ 23 sena minn Trapani ġara lbieraħ filgħodu fit-triq ewlenija li minn Trapani tagħti għal Marsala.

Jirriżulta li l-Maltin huma missier u iben, u wieħed minnhom ġarrab xi ġrieħi iżda mhux gravi. 

Il-ħabta bejn il-mutur u l-karozza tal-Maltin kienet qawwija.  Il-mutur tfarrak kompletament filwaqt li ż-żewġ Taljani tkaxkru għexieren ta’ metri ’l bogħod.

Huma mietu mill-ewwel fuq il-post u jirriżulta li ma kienux liebsa l-helmets.

Skont rapporti li deheru fil-midja Taljana, jidher li fil-ħin tal-inċident il-mutur kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ Marsala.

Il-karozza tal-Maltin kienet fil-karreġġjata opposta u kienet qed tikser għan-naħa l-oħra biex tidħol fi triq.