Filmat: L-Isqallin lura minn Malta jridu jagħmlu kwarantina u test obbligatorju

Aġġornat 11:07 AM

Ir-reġjun ta’ Puglia fl-Italja se jimponi kwarantina mandatorja

Read in English.

L-Isqallin li jirritonaw Sqallija minn Malta se jkollhom jibdew jagħmlu kwarantina malli jaslu lura pajjiżhom u fl-aħħar tal-kwarantina swab test obbligatorju.

Ħabbar dan il-Gvernatur ta’ Sqallija, Nello Musumeci f’avviż legali li ġie ffirmat illum. Dan jindika li l-miżuri ġodda jidħlu fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu. Nello Musumeci spjega dawn il-miżuri fuq programm televiżiv fuq Tgr Rai Sicilia.

Persuni oħrajn li jkunu ġejjin minn Malta, Spanja jew il-Greċja u ma jkunux resident Sqallin iridu jirreġistraw mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fuq siciliasicura.com.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara każ ta’ grupp ta’ żgħażagħ li daħlu lura Katanja wara li niżlu btala Malta u rriżultaw pożittiv għall-coronavirus. Din l-aħbar tikkonferma dak li ntqal aktar kmieni dalgħodu mill-aġenzija tal-aħbarijiet ANSA.

Il-Gvernatur fakkar fl-użu obbligatorju tal-maskri anke f’postijiet pubbliċi jekk ma tkunx qed tinżamm id-distanza.

Dalgħodu – minn Jesmond Saliba

Il-gżira ta’ Sqallija kellha l-akbar għadd ta’ każijiet ġodda ta’ COVID-19, fejn ġew irreġistrati 89 każ. Ir-reġjun tal-Lombardija, ir-reġjun li sofra l-ogħla għadd ta’ każijiet, segwa bi 68 każ ġdid, u l-Veneto b’65.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA qed tirrapporta li l-awtoritajiet Sqallin qed iħejju biex jintroduċu ttestjar mandatorju għal persuni li jaslu fil-gżira minn Malta, Spanja u l-Greċja. Il-Ministeru qal li sitt persuni tilfu ħajjithom fl-Italja minħabba l-COVID-19 f’dawn l-aħħar 24 siegħa, żieda wara li nhar it-Tnejn ġew irreġistrati 4 mwiet.

Sadanittant ir-reġjun ta’ Puglia fl-Italja se jimponi kwarantina mandatorja fuq kull min qed jirritorna lura fiż-żona wara vaganza fil-Greċja, f’Malta u fi Spanja.

Dan tħabbar minn Michele Emiliano, il-gvernatur tal-Puglia, fid-dawl tal-fatt li f’dawn l-aħħar jumejn, ir-reġjun irreġistra diversi każijiet ta’ riżultati pożittivi tal-Covid19 minn persuni li rritornaw lura minn dawn il-pajjiżi.

Il-każijiet jikkonċernaw lil żgħażagħ li jgħixu fil-Puglia li qed jirritornaw lura lejn djarhom wara li qattgħu l-vaganzi tas-sajf tagħhom fil-Greċja, Malta u Spanja. 

Bħalissa, dawn it-tliet pajjiżi għandhom rata għolja ta’ ċirkolazzjoni tal-virus. “Għal din ir-raġuni, jien se noħroġ Ordinanza li tistabbilixxi li minn għada, l-obbligu ta’ awtokwarantina għal 14-il ġurnata għal dawk kollha li jirritornaw lura fi djarhom fil-Puglia wara vaganza fil-Greċja, Malta u Spanja,” qal il-gvernatur.

Sadanittant ilbieraħ l-Italja ħabbret li qed tikkonsidra li tintroduċi testijiet għal min ikun qed jivvjaġġa lejn il-pajjiż minn Malta u l-Kroazja fid-dawl taż-żieda ta’ każijiet ta’ Covid-19 li qed jesperjenzaw dawn il-pajjiżi. 

Il-ġurnal Corriere Della Sera qal li ġie deċiż li jibdew testijiet għal dawk li jkunu qed jaslu l-Italja minn Spanja u l-Greċja. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn