Sqallija: 500 immigrant f’24 siegħa

Iktar minn 500 immigrant irregolari wasal fix-xtajtiet ta’ Sqallija bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Grupp minnhom kien salvat mill-awtoritajiet taljani wara li waslet l-informazzjoni minn Malta.

Fl-aħħar sitt ġimgħat waslu l-Italja madwar 10,000 immigrant. Dan jammonta għal ftit iktar min-nofs l-24,000 li waslu fi 12-il xahar.

L-immigranti waslu minn pajjiżi mifnija bil-kunflitti, fosthom is-Sirja, l-Eġittu, is-Somalja. Spikkat is-solidarjetà hekk kif fost l-oħrajn fil-bajja ta’ Morghella f’Sirakuża, dawk li kienu qed jgħumu iffurmaw katina umana biex jgħinu lill-immigranti li kienu f’diffikultà.

Intant f’Pozzallo, iċ-ċentru li fih jintlaqgħu l-immigranti jinsab iffullat wara li f’lejl wieħed waslu 393 persuna. Is-sindku talab l-għajnuna finanzjarja tal-awtoritajiet ċentrali Taljani biex jinxtara l-ikel u x-xorb. Qal ukoll li filwaqt li hu xieraq li dawn in-nies ma jinżammux maqfulin, għandu jkun hemm protezzjoni ikbar għaċ-ċittadini li dejjem urew ospitalità.

F’Lampedusa, is-sitwazzjoni reġgħet lura għan-normal. Dan wara li għal numru ta’ ġimgħat kien hemm sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba li kien hemm iktar minn 1,000 persuna f’post b’250 sodda. L-immigranti ittieħdu post ieħor, Minea, fejn bħalissa hemm madwar 3,500 persuna.