Sptar tal-Ordni ta’ Malta fis-Sirja attakkat mill-ajru

Dħaħen kbar ħerġin mill-isptar wara li kien attakkat

Il-ġimgħa li għaddiet il-Kafr Nobl Surgical Hospital li jinsab f’Idlib is-Sirja safa fil-mira ta’ attakki mill-ajru.  B’xorti tajba ma kienx hemm rapport ta’ nies nidruba fost il-pazjenti u l-istaff mediku tal-isptar.

Madankollu l-attività f’dan l-isptar li għandu appoġġ kbir mill-Ordni Sovran Militari ta’ Malta u jitmexxa mill-Fondazzjoni “Id f’Id għall-Għajnuna l-Iżvilupp” kellha tkun sospiża u Bħalissa l-isptar mhux qed joffri servizzi mediċi.

Janine Lietmeyer, Kap tal-programmi għal-Lvant Nofsani, tal-Ordni ta’ Malta, magħruf ukoll bħala Malteser International qalet li “Aħna xxukjati u mwerwera minn dan l-attakk feroċi, avolja ħadd ma’ weġġa’. Dawn il-ħafna attakki fuq faċilitajiet sanitarji u bini ieħor ċivili, qed ikompli jiksru l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Idlib.  Mhux aċċettabbli li l-popolazzjoni ċivili u ħaddiema umanitarji qed jgħixu taħt theddida kontinwa”.

Taħt attakk

Il-faċilitajiet tas-saħħa f’ Idlib reġgħu sfaw taħt attakk bħala parti mill-offensiva li qed tkompli f’dan ir-reġjun.

F’temp ta’ erbat ijiem kienu attakkati ħames faċilitajiet mediċi, fosthom sptar tat-tfal u klinika tal-maternità.

L-attakk fuq l-Isptar tal-Ordni kien ir-raba’ attakk fuqu din is-sena, minkejja li hu nkluż fil-lista ta’ postijiet protetti min-Nazzjonijiet Uniti.

Il-ġlied fis-Sirja li beda fir-Rebbiegħa tal-2011 hu wieħed mill-aktar gwerrer brutali ta’ dawn l-aħħar snin u l-aħħar attakki f’Idlib qed ikomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni umanitarja fejn inqatlu mijiet ta’ persuni u mijiet ferm akbar spiċċaw li kellhom jaħarbu minn djarhom.

Mill-2012 il-Malteser International qed taħdem ma’ orgniżazzjonijiet oħra biex jipprovdu għajnuna medika u jtaffu l-ħtiġijiet umanitarji kbar li hemm fiż-żona.

F’Idlib biss, bħalissa hemm aktar minn żewġ miljun persuni li għandhom bżonn għajnuna umanitarja.