Sptar nisrani fil-Pakistan jilqa’ morda ta’ kull twemmin

Il-bini tal-isptar nisrani tar-Ragħaj it-Tajjeb fil-Pakistan hu l-ewwel inizjattiva Kristjana fuq skala kbira f’dan il-pajjiż Islamiku, għalkemm għal dawn l-aħħar 200 sena l-insara ilhom joffru servizzi ta’ saħħa f’dan il-pajjiż.
Fr Saleem Massey minn Lahore, il-kapitali tal-provinċja tal-Punjab qal li l-isptarijiet insara kollha fil-pajjiż inbnew minn missjunarji barranin u issa wirtithom il-Knisja. Hemm ukoll ħafna tobba u infermiera iżda ma hemm ebda Kulleġġ tal-Mediċina la tal-Kattoliċi u anqas tal-Protestanti.
Għalhekk l-isptar il-ġdid barra milli joffri kura lill-morda f’dawn l-inħawi foqra tal-pajjiż se jkollu wkoll Kulleġġ biex iħarreġ żgħażagħ biex jidħlu għal xogħol soċjali u l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità. L-isptar mistenni jibda jopera s-sena d-dieħla.
Fl-ewwel fażi se jkun hemm faċilità ta’ 25 sodda u servizzi tal-mediċina, ġinekoloġija, oftalmoloġija u dentistrija. Wara se jkun hemm estensjoni ta’ 75 sodda oħra flimkien ma’ Kulleġġ tal-Mediċina, Skola għall-Infermiera, Kappella, imħażen għall-mediċini, bank u restorant.  Fid-daħla tal-isptar se jitpoġġa Salib għoli 15-il metru.
Il-Knisja Kattolika llum tmexxi disa’ sptarijiet fid-djoċesijiet ta’ Karachi, Hyderabad, Lahore, Faisalabad u Rawalpindi. Fl-1947 fetħet l-ewwel sptar għall-mard tal-qalb u fl-1963 l-ewwel klinika għall-mard tal-lebbra.
Ktieb ippubblikat riċentement jgħid li sal-2007 l-insara fil-Pakistan kienu jmexxu 35 sptar ġenerali, 26 spiżerija, ħames sptarijiet tal-għajnejn, żewġ skejjel tal-mediċina u oħra għat-taħriġ fil-qasam tal-X Rays.