Sptar Kattoliku ġdid fil-Bangladesh jisraq il-qlub ta’ ħafna

The new Catholic hospital in

Fil-belt ta’ Dhaka, fil-Bangladesh, kien inawgurat sptar Kattoliku ġdid li se joffri kura medika tal-ogħla kwalita. Dan hu l-isptar imsemmi għal San Ġwann Vianney.

L-isptar kien inawgurat ix-xahar li għadda fil-preżenza tal-Ministru tal-Intern, Asaduzzaman Khan Kamal u l-Kardinal Patrick D’Rozario, Arċisqof ta’ Dhaka u n-Nunzju Apostoliku, Mons George Kocherry.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li l-Kardinal D’Rozario, li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Bangladesh, waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni qal li l-Knisja Kattolika fil-Bangladesch kellha sptar fl-1952 li fl-1974 għaddietu lill-Gvern u kien nazzjonalizzat.

Iżda l-poplu kellu f’qalbu it-tama ta’ sptar Kattoliku f’Dhaka u issa din ix-xewqa twettqet. “Dan l-isptar se jipprovdi servizzi ta’ kura medika lin-nies ta’ kull reliġjon, minn kull grupp etniku u ta’ kull kultura”.

“Se nagħmlu ħilitna biex noffru l-aħjar kura u servizzi. Fl-isptar tagħna anke l-foqra jingħtaw attenzjoni u jkunu kkurati. San Ġwann Vianney se jispirana biex nipproteġu valuri universali bħalma huma l-ħajja u s-saħħa, ir-rispett u l-imħabba, l-affett u l-kura, l-onesta, il-lealta u s-sens ta’ sagrifiċċju”, qal il-Kardinal. Dawn huma l-valur li se jitħaddmu f’din l-istituzzjoni.

Kura ta’ kwalita’

L-isptar diġa’ ġibed il-qalb ta’ bosta persuni.  Marjana Begum, ta’ 45 sena, mara Musulmana li ngħatat kura fl-isptar fil-ftit jiem li ilu jopera, qalet lill-aġenzija FIDES li “l-imġieba tat-tobba u l-infermiera f’dan l-isptar kienet waħda eżemplari. It-tobba ġew jarawni, ħadu ħsiebi u tawni l-aħjar pariri. Jien sodisfatta ħafna bil-kura li ngħatajt kemm fuq livell uman kif ukoll fuq livell mediku”.

Suhel Costa, pazjent Kattoliku qal lill-istess aġenzija li hu kellu jieħu lil ibnu li kien marid fl-isptar u issa fieq. “Kelli esperjenza tajba ħafna u tkellimt b’mod pożittiv dwar dan l-isptar ma kull min iltqajt. Anke l-ispejjeż għal kura kienu relattivament baxxi”.

It-Tabib Edward Pallab Rozario, li jaħdem f’dan l-isptar Kattoliku qal li għalissa hemm 20 sodda fl-isptar u hemm 20 tabib, imma numru ta’ tobba oħra huma nteressati li jagħtu s-servizzi tagħhom fih bħala voluntiera.” Għandna futur sabiħ quddiemna”.

Fil-Bangladesh, biex wieħed jieħu kura medika ta’ kwalità hi sfida kbira, speċjalment għal dawk fil-bżonn. Fil-pajjiż hemm medja ta’ tabib wieħed għal kull 2,500 pazjent.  Is-sinjuri jsiefru biex jieħdu kura tajba.

Il-Knisja Kattolika fil-Bangladesh għandha ħames sptarijiet u 70 klinika mifruxa fi tmien djoċesijiet.