Sptar ieħor joffri t-test tad-demm li jgħidlek kellekx il-coronavirus

L-Isptar DaVinci f’Birkirkara qiegħed joffri wkoll it-test tad-demm li wieħed jista’ jagħmel biex jara jekk qatt kellux il-coronavirus. Dan huwa t-tieni sptar li qed joffri dan it-test, wara li l-ġimgħa li għaddiet, it-test ġie introdott fl-Isptar Saint James.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, l-Isptar DaVinci ħabbar li issa hu wkoll qed joffri dan it-test, manifatturat mill-kumpanija Roche u distribwit mid-distributur farmaċewtiku Malti Vivian.

L-antibody test huwa parti mit-test tad-demm li jgħid jekk persuna ltaqgħetx mal-virus u bnietx l-antibodies, dawk li l-ħaddiema tas-saħħa qed jirreferu għalihom bħala suldati, biex jiġġieldu l-virus. Mistoqsija minn Newsbook.com.mt waqt konferenza din il-ġimgħa, Prof. Charmaine Gauci spjegat li dan it-test tad-demm mhuwiex sostitut għall-iswab test li jiddetermina jekk persuna għandhiex coronavirus f’dak il-mument.

L-Isptar DaVinci qal li t-test għandu riżultat ta’ 100% biex jimmarka jekk persuna kellhiex coronavirus. It-test tfaħħar ħafna mill-esperti mediċi. Dr Pierre Vassallo, sid l-isptar, qal li l-isptar huwa kburi li test daqshekk importanti se jkun inkluż fil-laboratorju tiegħu.

Il-Maniġer tal-Bejgħ fi ħdan Vivian, Reuben Fava, irringrazzja lill-Isptar Da Vinci talli ngħaqad mal-Isptar Saint James biex jipprovdi dan it-test lill-Maltin u l-Għawdxin.

Dan it-test tfaħħar mis-Segretarju tas-Saħħa fir-Renju Unit Matt Hancock ilbieraħ stess, meta dan ħabbar li l-Gvern iffirma kuntratt għal 10 miljun antibody test, wara qbil mal-kumpanija Roche.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn