Sptar Franċiż jiskopri li pazjent kellu l-coronavirus f’Diċembru

REUTERS/Benoit Tessier

Read in English.

Sptar Franċiż reġa’ ttestja kampjuni antiki ta’ pazjenti li kellhom pulmonite u skopra li pazjent li ġie kkurat f’Diċembru li għadda kellu l-coronavirus, kważi xahar qabel ma l-pajjiż ħabbar l-ewwel każijiet tiegħu tal-virus.

Dr Yves Cohen mill-isptarijiet Avicienne u Jean Verdier fit-Tramuntana ta’ Pariġi qal lill-midja li x-xjentisti reġgħu ttestjaw kampjuni ta’ 24 pazjent li ngħataw trattament f’Diċembru u f’Jannar. Pazjent minnhom jidher li kellu l-coronavirus fis-27 ta’ Diċembru.

Il-kampjuni għall-ewwel kienu ttieħdu biex jaraw jekk il-pazjenti kellhomx l-influwenza. Dan huwa l-istess proċess li jista’ jintuża biex jiġi ttraċċat il-coronavirus. Kull kampjun ġie ttestjat aktar minn darba sabiex ma jkunx hemm żbalji.

Fi Franza mietu kważi 25,000 persuna mill-1 ta’ Marzu ‘l hawn. L-ewwel tliet każijiet tal-coronavirus fil-pajjiż tħabbru fl-24 ta’ Jannar, tnejn f’Pariġi u wieħed f’Bordeaux.

Dr Cohen stqarr li għadu kmieni wisq biex ikunu jafu jekk dan il-pazjent kienx l-ewwel wieħed li marad bil-coronavirus fil-pajjiż, iżda għalihom, huwa kruċjali li jsibu min kellu l-marda l-ewwel.

Dan il-pazjent salva wara li kien marid għal 15-il ġurnata u infetta liż-żewġ uliedu, iżda mhux lil martu, li taħdem f’supermarket. Meta l-pazjent sar jaf li kellu l-coronavirus, baqa’ mibluh. Ma setax jifhem kif kien ġie infettat, peress li ma kienx siefer. L-uniku kuntatt li kellu kien ma’ martu.

Il-ġurnal Ingliż The Guardian irrapporta li mart dan il-pazjent taħdem mill-qrib ma’ kollegi Ċiniżi, iżda mhuwiex ċar jekk xi ħadd minnhom kienx mar iċ-Ċina. Dr Yves Cohen qal li l-awtorità tas-saħħa lokali għandha tinvestiga, u kull min kellu l-pulmonite f’dawn ix-xhur għandhom jerġgħu jittestjaw il-kampjuni tagħhom, peress li l-coronavirus jaf kien qed jinxtered bla ma kienu jafu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn