Sptar, djar u impjiegi bis-sehem tal-Bank Ewropew tal-Investiment

L-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment kienet kruċjali għall-bini ta’ sptar ġdid fi Treviso l-Italja, akkomodazzjoni affordabbli fil-Polonja u taħriġ u mpjiegi għar-refuġjati u l-immigranti fil-Fillandja.
It-tliet proġetti differenti  huma fost l-investimenti li l-Bank Ewropew ta l-għajnuna għalihom permezz ta’ self b’rati iktar baxxi minn ta’ banek kummerċjali.
F’seminar fi Brussell għall-ġurnalisti, dawk responsabbli għall-proġetti taw id-dettalji tal-għajnuna li rċevew.
Ġie spjegat li d-differenza tal-imgħax inqas imħallas għall-proġetti setgħet terġa’ tiġi investita fi proġetti soċjali oħra. Fil-każ tal-isptar fi Treviso, din id-differenza ammontat għal madwar €2miljun, u mistennija tiġi investita f’iktar taħriġ tal-impjegati fl-isptar u kura aktar effiċjenti fl-emerġenza.
Iktar servizzi soċjali ta’ prevenzjoni milli ta’ kura
Kelliem għall-Bank Ewropew tal-Investiment spjega li l-mudell li qed jintuża biex jiġu investiti l-biljuni ta’ ewro hu li jkun assigurat li l-proġetti jiffukaw aktar fuq il-prevenzjoni milli fuq il-kura.
Ġie spjegat fost l-oħrajn kif bl-għajnuna tal-imgħax iktar baxx fuq is-self ta’ €34m, fil-Polonja setgħu jiġu offruti mal-1,300 appartament ġdid bi prezzijiet iktar affordabbli.
Fit-taħriġ li qed ikun offrut fil-Fillandja, qed jitkejjel is-suċċess tal-investiment bl-impjiegi li qed jiġu offruti lill-immigranti u r-refuġjati. Qed issir ħidma wkoll għall-integrazzjoni tat-tfal fis-soċjetà.
Ġie spjegat ukoll li l-Bank Ewropew tal-Investiment se jkompli joffri l-appoġġ lil intrapriżi li jaħdmu fil-qasam soċjali, fost l-oħrajn fi proġetti li jassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar għal popolazzjoni Ewropea li qed tkompli tixjieħ.
L-għajnuna lil Malta mill-Bank Ewropew tal-Investiment
Fl-2016, il-Bank iffinanzja €92miljun f’appoġġ lill-ekonomija Maltija. 44% ta’ dan l-investiment mar għal proġetti ta’ innovazzjoni, bi 30% għall-infrastruttura. 26% tal-investiment mar fi proġetti ambjentali. Matul il-ħames snin bejn l-2012 u l-2016, il-Bank Ewropew sellef total ta’ €159 miljun lil Malta.
L-investiment total tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment ammonta għal €160 miljun.