Spotify lesta tabbanduna lil pajjiżha

Spotify qed twissi li tista’ tasal tabbanduna l-investimenti tagħha f’pajjiżha, l-Iżvezja, jekk il-Gvern ma jiħux azzjoni immedjata biex jgħin lil kumpaniji li għadhom jibdew jiżviluppaw f’kumpaniji kbar.
Spotify, li hi l-akbar kumpanija fid-dinja ta’ streaming mużikali, wissiet li dan jista’ jfisser telf ta’ eluf ta’ postijiet tax-xogħol. B’mod partikolari, Spotify semmiet problemi marbuta mal-edukazzjoni, mas-suq tal-propjetà u ma’ stock options.
Din it-twissija tirrifletti lment tipiku fost il-kumpaniji teknoloġiċi Ewropej: li l-politiċi mhux jagħmlu biżżejjed biex l-istart ups jikbru f’kumpaniji kbar li jistgħu jisfidaw ġganti bħal Google, Facebook u Apple.
Tliet kumpaniji rinomati fl-Iżvezja, Mojang u King, li jaħdmu fil-qasam tal-gaming, kif ukoll Skype, servizz popolari ta’ telefonija, inbiegħu lil kumpaniji Amerikani.
Il-problema fis-suq tal-propjetà hi marbuta man-nuqqas ta’ propjetajiet għall-kiri minħabba kontrolli stretti fuq dan is-settur. It-tieni, fil-qasam edukattiv, kumpaniji fil-qasam tat-teknoloġija spiss ikollhom jimpurtaw ħaddiema minn barra peress li s-sistema edukattiva Żvediża mhix tipprovdi biżżejjed gradwati fl-IT. L-aħħar problema hija d-diffikultà li l-ħaddiema jitħallsu bi stock options, li jattira ħaddiema tal-ogħla kwalità. Dan qed iwassal biex il-kumpaniji jitilfu l-kompetittività tagħhom.
Dan wassal biex il-fundaturi tal-kumpanija jwissu li jekk dawn l-affarjiet ma jiġux indirizzati ma jkollhomx triq oħra għajr li jmexxu n-negozju tagħhom lejn l-Istati Uniti.
BuzzFeed ma tilħaqx il-miri għall-2015
Is-sit elettroniku u pjattaforma soċjali BuzzFeed falliet milli tilħaq il-miri għad-dħul fl-2015. B’hekk naqqset it-tbassir intern tagħha għall-2016 bin-nofs.
Fost esperti tas-suq, dan qed iqajjem dubju jekk in-netwerk elettroniku qattx jista’ jilħaq il-valutazzjonijiet għoljin li sarulu fil-passat.
Il-kumpanija, magħrufa għal-listi tagħha, b’kontenut li ma jħares lejn wiċċ ħadd, kienet qed tipproġetta mal-kwart ta’ biljun dollaru fl-2015 fi dħul iżda ġġenerat inqas minn $170 miljun.
Dan wassal biex il-kumpanija naqqset it-tbassir tad-dħul tagħha għall-2016 minn $500 miljun għal $250 miljun.
Il-ħila tal-kumpanija li tiġbed lejha mijiet ta’ eluf ta’ qarrejja b’mod regolari qed jattira investiment qawwi. Andreessen Horowitz, kumpanija magħrufa għall-għoti ta’ venture capital f’Silicon Valley investiet $50 miljun fil-kumpanija. NBC Universal, investiet $200 miljun u stmat li l-kumpanija tiswa mal-$1.5 biljun.
Madankollu, ir-riżultati relattivament diżappuntanti għall-2015 qed jiġu attribwiti għall-fatt li jista’ jkun li l-kumpanija diġà misset il-quċċata, u diffiċli tattira aktar negozju onlajn. Hu għalhekk li l-kap eżekuttiv tal-kumpanija, sostna li Buzzfeed se tkun qed issaħħaħ il-preżenza tagħha fuq l-ismartphones u qed tikkunsidra wkoll tixtri spazju fuq it-televiżjoni.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment