Sports Direct vittma ta’ attakk u skandlu ieħor

Il-kumpanija Sports Direct qed tiġi akkużata li ġiet misruqa minn ammont kbir ta’ dejta fuq 30,000 impjegat tagħha u li ma informathomx b’dan.
F’Settembru li għadda hackers aċċessaw is-sistema fejn Sports Direct iżżomm id-dettalji personali kollha tal-impjegati tagħha, inkluż ismijiet u numri ċellolari tagħhom.
Il-kumpanija ġiet infurmata b’dan l-aċċess illegali tliet xhur wara li sar u għamlet rapport mal-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Informazzjoni mill-ewwel, imma naqset milli tinforma lill-impjegati tagħha.
Sports Direct bħalissa għadha qed tirkupra mill-iskandlu tas-sena li għaddiet fejn kien ġie rrappurtat li qed tħaddem lill-impjegati tagħha bi stil antikwat u li ma titrattahomx bi drittijiet xierqa. Dan l-iskandlu kien naqqas il-profitt tal-kumpanija bi kważi 50%.
Kelliem għall-kumpanija qal li se jittieħdu passi biex SporsDirect tieħu ħsieb tipproteġi aktar id-dettalji tal-impjegati tagħha, filwaqt li rappreżentant għall-ħaddiema qal li dawn se jfittxu lill-kumpanija għad-danni tas-serq tad-dettalji personali tagħhom.