SportMalta tniedi ġimgħa ta’ “ċaqliq”

Wara s-suċċess tal-ewwel Forum Nazzjonali tal-Isport, SportMalta diġà bdiet taħdem fuq diversi proġetti u inizzjattivi oħra fejn fost l-oħrajn, għal sena oħra, ser tissieħeb ma’ ISCA (International Sport and Culture Association) sabiex torganizza Move Week bejn it-23 u d-29 ta’ Mejju.
Move Week hija parti mill-kampanja NowWeMove li se tara l-bidu tagħha fl-1 ta’ Mejju permezz ta’ open day fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Għal din l-attività ġie mħejji programm vast fejn il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn għawm, canoe polo,waterpolo u ħafna inizzjattivi oħra biex b’hekk tkompli tikber il-kuxjenza dwar ir-rabta bejn is-saħħa fiżika u l-isport.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar saħaq li din se tkun okkażjoni fejn SportMalta tiftaħ il-bibien għal kulħadd, bil-fondi kollha miġbura jmorru għall-Marigold Foundation.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum kien varat ukoll il-programm Summer On The Move li fl-aħħar edizzjoni laħaq mas-6,000 ruħ. 
Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, tkellem dwar kif SportMalta tħoss il-ħtieġa li tingħata l-importanza mistħoqqa lill-attività fiżika u kien għalhekk li ngħaqdet ma’ ISCA f’din il-kampanja biex kulħadd jkun attiv.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Chris Agius spjega kif SportMalta bħalissa għaddejha f’ħidma sabiex fil-ġimgħat li ġejjin ikunu mibdija tliet proġetti li jinkludu padiljun tal-basketball ġdid, l-indoor pool, u xogħol fil-Marsa waqt li fakkar li dalwaqt se jkunu uffiċjalment inawgurati tliet proġetti: il-padiljun tal-judo, il-warm up track tal-atletika fil-Marsa u t-tinda tar-range tal-isparar f’Għawdex.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott