Sport: Birkirkara jibdew id-difiża tat-titlu b’rebħa

Iċ-‘Champions’ renjanti Birkirkara bdew id-difiża tat-titlu tal-Kampjonat BOV Premier b’rebħa ta’ 2-1 kontra t-tim ta’ Rabat Ajax. Għat-tim Karkariż l-ewwel tliet punti waslu f’logħoba li żviluppat iktar diffiċli milli kien mistenni għalihom hekk kif Rabat offrew oppożizzjoni tajba għal ħinijiet twal. L-awwkist il-ġdid ta’ Birkirkara Frank Temile kien strumentali għaċ-‘champions’ meta skorja ż-żewġ goals li taw ir-rebħa lit-tim.

Fit-tieni partita li ntlagħbet fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’Qali it-tim neo-promoss ta’ Vittoriosa Stars kisbu l-ewwel punt tagħhom f’din l-avventura ġdida tagħhom mal-kbar meta spiċċaw fi dro’ ta’ 2-2 kontra Balzan Youths. It-tim tal-Birgu kien saħansitra minuta biss bogħod milli jiddebutta b’rebħa iżda Balzan kellhom ideat oħra meta gowl minuta mit-tmiem tas-sostitut Andrew Scicluna salva punt għal Balzan.

Intant illum jitkompla l-kampjonat b’erba’ partiti oħra, meta fis-6:30pm jilagħbu Naxxar Lions kontra Floriana u Valletta kontra Mosta waqt li fit-8:30pm Hibernians jilagħbu kontra r-rivali ġirien Tarxien Rainbows u Sliema Wanderers kontra Qormi. Il-logħob ta’ llum jintlagħab fl-istadium Nazzjonali u fil-Grawnd taċ-Ċentinarju f’Ta’Qali.

 

Ritratt: Domenic Aquilina – MFA