Sport biex jevita li jaqgħu fil-vizzju tal-logħob

Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli organizzat attività sportiva għal tfal u żgħażagħ fil-lokalità tar-Rabat bil-għan li jintwera li l-isport kapaċi jevita li persuni jaqgħu fil-vizzju tal-logħob.

F’diskors tal-okkażjoni s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri qal li l-attiviżmu u l-volontarjat ma għandhomx prezz fil-lokalitajiet Maltin. Huwa qal li attivitajiet bħal dawn jimpenjaw liż-żgħażagħ b’mod fiżiku u b’hekk jibqgħu ‘l bogħod minn vizzji bħal dak tal-logħob.

Il-General Maniġer tal-Fondazzjoni Priscilla Muscat qalet li qed iseħħ kampanja dwar logħob responsabbli fost l-istudenti tal-iskejjel tar-raba’ sena tal-primarja u enfasizzat li l-vizzju jġorr miegħu konsegwenzi negattivi fuq il-persuna.

L-istqarrija tispjega li din kienet il-11-il sena konsekuttiva li twettqet din l-attività bit-tema “Logħob għal Kulħadd”.

Iċ-Ċermen tal-Kumitat Żgħażagħ Rabtin Pawlini Henry Debattista, il-Viċi Ċermen Adriano Farrugia u s-Segretarju Norbert Inguanez irringrazzjaw lil kull min ipparteċipa bi ħġaru għal dawn is-serati.