Sponsorships lill-istudenti tal-gamifikazzjoni mill-Ministeru għall-Familja

Read in English.

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u l-Università ta’ Malta ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim fuq proġett li jinvolvi d-disinn, minn studenti tal-IT fl-Università fuq prototip ta’ gamifikazzjoni intenzjonat li jeduka lit-tfal tal-iskola fuq il-kapaċità finanzjarja.


B’dan il-memorandum bejn id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta u l-unità ĠEMMA fi ħdan il-ministeru, l-istudenti parteċipanti fil-modulu Web Data Mining ħadmu fuq id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ prototip tal-kapaċità finanzjarja ĠEMMA.

B’dan il-memorandum ta’ ftehim, il-ministeru qabel li jisponsorja studenti tal-IT biex ilestu żewġ fażijiet –

  • (i) Fażi A – preżentazzjoni tal-kunċett ta’ gamifikazzjoni bi premjijiet ta’ €2,500 u €1,750 għall-ewwel u għat-tieni post rispettivament. Din il-fażi tlestiet fi Frar 2020.
  • (ii) Fażi B – preżentazzjoni tal-prototip ta’ gamifikazzjoni bi premjijiet ta’ €3,000 u €2,000 rispettivament biex jitlestew b’suċċess. Din il-fażi għandha titlesta sa Diċembru 2020.

Il-ministeru se jkompli jisponsorja studenti mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) sa massimu ta’ €1,500 biex jattendu seminars u konferenzi barra mill-pajjiż fl-IA relatati mal-kapaċità finanzjarja.

Il-kwalità tal-kunċetti tad-disinn tal-kapaċità finanzjarja ĠEMMA kienet ta’ livell eċċellenti. Żewġ timijiet kienu mogħtija l-ewwel premju filwaqt li t-tielet kien mogħti t-tieni premju. Id-disinn tal-kunċett ta’ gamifikazzjoni tmexxa minn Charlie Abela u Joe Azzopardi. Il-kunċetti tad-disinn u t-timijiet responsabbli tista’ tarahom fuq gemma.gov.mt/gamification.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li hu kburi li qed iniedi l-iffirmar tal-memorandum ta’ ftehim, avveniment ta’ importanza sinifikanti peress li jippermetti lill-Università ta’ Malta, lill-ministeru u lill-istudenti jaħdmu flimkien biex jindirizzaw temi relatati mal-kummerċ – f’dan il-każ l-ewwel gamifikazzjoni elettronika edukattiva lokali għall-kapaċità finanzjarja.

Il-Ministru Michael Falzon żied li kien kuntent li l-Università ta’ Malta, permezz tad-Dipartiment tal-IA, qablet li tikkollabora mal-ministeru bit-taqsima ta’ studju Web Data Mining, li serviet ta’ katalista biex tixpruna l-kreattività u l-abbiltà tal-istudenti għall-ewwel pass fit-tfassil ta’ prototipi.


Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, responsabbli mill-pjattaforma ĠEMMA, qal li waħda mill-kwistjonijiet iffaċċjati lokalment fl-edukazzjoni tal-kapaċità finanzjarja hi n-nuqqas ta’ metodu pjaċevoli kif tgħallem dawn il-kunċetti. Is-Sur Musù spjega li tard fis-sajf 2019 l-Uffiċċju tiegħu, permezz ta’ ĠEMMA, avviċina lid-Dipartiment tal-IA biex jara jekk kienx interessat li jdaħħal assenjament li jwassal għal prodott simili li jkun iddisinjat mill-istudenti tal-IT u dan ikun organizzat bi sħubija bejn il-ministeru, li se jipprovdi l-premjijiet fi flus, u l-Università ta’ Malta. Is-Sur Musù semma li seba’ xhur wara, ir-riżultati ta’ dan il-ftehim qed iħallu l-frott kif jidher evidenti mid-disinni ppreżentati mill-istudenti rebbieħa.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred J. Vella esprima sodisfazzjon kbir għall-fatt li dan il-proġett li sar fi sħubija mal-ministeru qed jaħdem tant tajjeb u qed jibbenefika lill-istudenti tal-ismart IT tagħna. Hu wkoll ta’ sodisfazzjon li tkun taf li tfal żgħar tal-iskola se jibbenefikaw ukoll meta jkollhom f’idejhom dan l-istrument edukattiv ladarba jiġu prodotti l-prototipi. Għalhekk dan il-proġett se jikseb diversi għanijiet mixtieqa f’daqqa waħda u għal din ir-raġuni rringrazzja kemm lill-Ministru, lis-Segretarju Permanenti kif ukoll lill-akkademiċi involuti f’dan il-proġett.

Il-Lettur tal-IA fl-Università ta’ Malta Charlie Abela qal li din il-kollaborazzjoni tagħti lill-istudenti li ħadu sehem l-opportunità li jindirizzaw u jsolvu problema interessanti fl-IA b’element miżjud ta’ kompetizzjoni bejniethom li kważi ċertament iservi biex iżid l-interess tagħhom u l-livell ta’ sodisfazzjon ta’ dawk li se jirbħu l-konkors.