Splużjonijiet fl-Afganistan f’Jum l-Indipendenza; Għexieren midruba

REUTERS/Parwiz

Numru ta’ bumbardamenti fuq ristoranti u pjazez pubbliċi fil-Lvant ta’ Jalalabad darbu minn tal-inqas 34 persuna skont uffiċjali tal-pajjiż. Dan hekk kif illum il-pajjiż qed jiċċelebra l-100 anniversarju tal-Indipendenza tiegħu.

Sa issa, l-ebda grupp ta’ militanti ma ħa r-responsabbiltà tal-10 bombi, madanakollu kemm l-Istat Iżlamiku (IS) u l-militanti tat-Taliban joperaw f’dik iż-żona.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-Istat Iżlamiku ħa r-responsabbiltà ta’ attakk b’bomba waqt tieġ f’Kabul fejn inqatlu 63 ruħ u 200 oħra indarbu.

Il-bombi f’Jalalabad tpoġġew viċin suq fejn mijiet ta’ persuni kienu nġabru wara li attendew għall-avvenimenti ta’ Jum l-Indipendenza fil-pajjiż.

Il-President Ashraf Ghani, hu u jindirizza lil folol f’Kabul, talab lill-komunità internazzjonali sabiex teradika lill-militanti fl-Afganistan.