Persuna arrestata wara l-isplużjoni fi New York

Il-Pulizija fi New York evakwaw parti minn Manhattan wara splużjoni fi stazzjon tat-trasport pubbliku.
L-inċident seħħ illum viċin Times Square.
Skont il-midja internazzjonali, Akayed Ullah ta' 27 sena ġie arrestat b'rabta ma' dan l-inċident. Ullah u erbgħa persuni oħra ġew midruba fl-attakk terroristiku. 
Fuq Twitter, id-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar ta' New York kiteb li ħadd minn dawk midruba ma jinsab fil-periklu tal-mewt.
Is-Sindku ta' New York qal li t-terroristi mhux se jirbħu. Żied jgħid li mill-informazzjoni li għandhom il-Pulizija, jidher li s-suspettat wettaq l-attakk waħdu.
X'aktarx li r-raġel kien liebes apparat li permezz tiegħu kellu jisplodi l-bomba, iżda jidher li xi ħaġa marret ħażin u spiċċat biex ħadet qabel il-ħin.
L-istazzjon li fih seħħ l-inċident huwa meqjus bħala l-akbar wieħed fl-Istati Uniti u kull sena jgħaddu minnu mal-65 miljun persuna.
 

https://platform.twitter.com/widgets.js