Aġġornata: Posposta l-logħba ta’ Borussia Dortmund wara li t-tim intlaqat minn splużjoni

Splużjoni laqtet private li fuqha kien hemm it-tim ta’ Borussia Dortmund, fil-Ġermanja.
Huma kienu fi triqthom għal-logħba taċ-Champions League kontra Monaco.
Il-plejer Marc Bartra weġġa’ gravi u ttieħed l-isptar.
Fuq twitter it-tim qal li l-plejers l-oħra jinsabu tajbin.
Kawża tal-isplużjoni l-logħba ġiet posposta għal għada.

Il-Parlament Malti wera solidarjetà mat-tim ta' Dortmund

Il-Parlament Malti wera solidarjetà mat-tim tal-Borussja Dortmund u l-belt ta’ Dortmund wara dan l-attakk.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li llejla kulħadd iżomm mat-tim tal-Borussia Dortmund u jinsab magħqud miegħu hekk kif ukoll ingħaqad man-nies ta’ Stokkholma, Londra u bliet oħra li ntlaqtu minn attakki terroristiċi. Huwa ddeskriva l-attakk bħala wieħed “barbaru” u “kotard” minn terroristi li jridu jbiddlu l-mod kif is-soċjetajiet Ewopej jgħixu u jiddevertu. Tenna li attakki bħal dawn isaħħu r-riżoluzzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li l-Ewropej jibqgħu jgħixu skont l-istil ta’ ħajja li huma mdorrijin bih.
Id-Deputat Nazzjonalista Peter Micallef u d-Deputat Speaker Ċensu Galea ingħaqdu ma' dan il-messaġġ.