Aġġornata: 21 mejta wara żewġ splużjonijiet f’Kabul

Żewġ splużjonijiet f’Kabul dalgħodu ħasdu l-ħajja ta’ 21 persuna, inkluż fotografu Franċiż tal-AFP, filwaqt li darbu 27 persuna oħra.
Il-fotografu, Shah Marai, kien qalb għadd ta’ ġurnalisti li nqabdu fit-tieni splużjoni waqt li kienu qed jirrappurtaw fuq l-ewwel splużjoni.
Skont kelliem għall-Ministeru għall-Intern tal-Afghanistan, kawża tal-ewwel splużjoni nqatlu erba’ persuni, u ndarbu ħamsa oħra.
Ftit tal-ħin wara, splużjoni oħra seħħet viċin ġurnalisti li kienu qed jirrappurtaw l-ewwel splużjoni fejn ndarbu għadd ta’ fotografi u vidjografi.
L-isplużjonijiet seħħew fiż-żona magħrufa bħala Shashdarak, viċin tal-binjiet tas-servizzi intelliġenti tal-pajjiż.
Dawn ġew wara splużjoni oħra li seħħet il-ġimgħa li għaddiet viċin ċentru tal-votazzjoni li ħasdet il-ħajja ta’ 60 persuna.
Uffiċjal tal-Pulizija f’Kabul ikkonferma l-isplużjoni u qal li setgħet ġiet ikkawżata minn bomba suwiċida, madanakollu ma kien hemm l-ebda konferma konkreta ta’ dan, u ħadd ma jidher li ħa r-responsabbiltà.