Splużjoni Libanu: 200,000 bla dar, aktar minn 4,000 midruba u 100 mejta

Aġġornat 01:48 PM

Read in English.

Ħaddiema tas-salvataġġ fil-Libanu qattgħu l-lejl ifittxu qalb it-tifrik ifittxu għal aktar persuni wara li splużjoni qawwija heżżet il-belt kapitali Bejrut. Aktar minn 100 persuna tilfu ħajjithom u madwar 4,000 indarbu iżda l-awtoritajiet qed jistennew li dawn in-numri se jikbru fis-sigħat li ġejjin.

L-isplużjoni, li seħħet f’maħżen fil-port fejn kien jinżamm materjal splussiv kienet l-agħar waħda f’ħafna snin f’Bejrut, li diġa tinsab issofri l-konsegwenzi ta’ kriżi ekonomika u żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus.

Il-President Michel Aoun qal li 2,570 tunnellata ta’ nitrat tal-ammonju, li jintuża fil-fertilizzanti u l-bombi, kien maħżun għal sitt snin fil-port mingħajr miżuri ta’ sigurtà, u sostna li dan “mhux aċċettabbli”. 

S’issa għadu ma ntqalx x’ikkawża n-nirien li wasslu għall-isplużjoni. Mezzi tax-xandir lokali qalu li aktarx inbdiet b’xogħol ta’ wweldjar fuq toqba fil-maħżen.

“Għandna quddiem għajnejna katastrofi kbira”, sostna l-Kap tas-Salib Aħmar fil-Libanu, George Kettani. “Il-vittmi huma mxerrda ma’ kullimkien.”

Din l-isplużjoni ġeddet il-memorji tal-gwerra ċivili tal-1975-90 fejn il-poplu tal-Libanu għex b’attakki mill-ajru mill-Iżraeliti u għadd ta’ splużjonijiet ta’ karozzi. Numru ta’ residenti ħasbu li kienu milquta minn terremot. 

Bosta persuni, sturduti, jibku u mweġġa’, niżlu fit-toroq ifittxu l-qraba tagħhom.

“L-isplużjoni rmitni metri ‘l bogħod. Kont sturdut u mimli demm. Fakkritni fi splużjoni oħra li kont rajt fl-ambaxxata Amerikana fl-1983”, qal Huda Baroudi, designer residenti Bejrut.

Il-Prim Ministru Hassan Diab wiegħed li dawk responsabbli se jħallsu l-prezz ta’ dak li ġara f’dan il-maħżen perikoluż.

Sadanittant, sar magħruf li aktar minn 200,000 persuna spiċċaw bla dar kawża ta’ din l-isplużjoni. Iktar kmieni waqt l-Angelus il-Papa Franġisku appella għat-talb għall-Libanu.