Filmati: Splużjoni kbira f’Bologna: 2 mejta u 55 feruti

Żewġ persuni tilfu ħajjithom u minn tal-inqas 55 oħra weġġgħu bi splużjoni kbira li seħħet aktar kmieni waranofsinhar ftit ‘il barra mill-belt Taljana ta’ Bologna, viċin l-ajruport. Il-midja Taljana qed tgħid li uħud minn dawk feruti weġġgħu serjament u jinsabu f’qagħda kritika.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2pm wara inċident tat-traffiku bejn xi vetturi, inkluż trakk li kien qed iġorr xi gassijiet. Dan wassal biex it-triq li minnha kien għaddej it-trakk tinsab magħluqa.

Ftit tal-minuti wara l-ajruport ta’ Bologna qal fi tweet li t-titjiriet baqgħu jaħdmu normali għax l-inċident seħħ fit-toroq tal-madwar. Aktar tard l-ajruport indika rotot alternattivi għas-sewwieqa biex jaslu l-ajruport.

Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar Taljana ppubblikaw filmat mill-ajru li juri daħna kbira fuq iż-żona magħrufa bħala Borgo Panigale.