Splużjoni kbira f’impjant taż-żejt fil-Messiku

Splużjoni kbira, f’impjant għall-ħażna taż-żejt fl-istat ta’ Veracruz fil-Messiku, ħalliet minn tal-inqas 3 persuni mejta u 136 feruti, 13 minnhom f’qagħda kritika.
L-isplużjoni seħħet fl-impjant tal-kumpanija tal-istat Messikan, Pemex, viċin il-port ta’ Coatzacoalcos.
Mijiet ta’ persuni, li joqgħodu fil-viċin, kellhom jiġu evakwati, filwaqt li diversi skejjel kellhom jingħalqu.
Għadu mhux magħruf x’wassal għal din l-isplużjoni. Fl-aħħar snin kienu rrapurtati numru ta’ splużjonijiet oħra fl-istess impjant.
Skont rapporti, l-isplużjoni nħasset sa 10 kilometri ‘l bogħod mill-impjant. Mir-ritratti u l-filmati jidhru n-nirien u anke duħħan qawwi.
Minħabba f’hekk, dawk li ma ġewx evakwati ntalbu jibqgħu ġo djarhom minħabba ċ-ċans li d-duħħan ikun tossiku.