Aġġornata (2): Filmat: Inċident fit-tarzna; Splużjoni jew le?

Illum waranofsinhar seħħ inċident fit-tarzna ta’ Palumbo, liema inċident il-Pulizija qalet li kien splużjoni; madanakollu stqarrija tal-operatur privat tal-faċilità tat-tarzna qalet li ma kienx hemm splużjoni u rreferiet għall-inċident bħala nar żgħir.

Il-Pulizija ma rtiratx l-istqarrija tagħha li fiha qalet li seħħet splużjoni, iżda kjarifikat li l-persuni feruti ttieħdu l-isptar minn persuni li kienu fil-viċin u mhux permezz ta’ ambulanza.

Għall-ħabta tad-9:00 pm, kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li jista’ jikkonferma fiċ-ċert li kien hemm nar minħabba ħsara fis-sistema elettrika. Mistoqsi dwar jekk kienx hemm splużjoni, il-kelliem qal li l-ewwel informazzjoni li daħlet kienet li “x’aktarx seħħet splużjoni”. Spjega li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Għall-ħabta tal-4:50 pm il-Pulizija qalet li kien hemm splużjoni fit-tarzna f’Bormla li ħalliet raġel jissielet għall-ħajtu u ieħor b’feriti ħfief.

Ir-raġel fil-periklu tal-mewt hu residenti n-Naxxar u għandu 45 sena. Ir-raġel l-ieħor huwa mill-Fgura u għandu 55 sena. Huma ttieħdu l-isptar Mater Dei minn persuni li kienu fil-viċin.

Il-Pulizija kkonfermat li l-inċident seħħ fis-2.15pm wara li ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa dwaru.

Qalet li l-isplużjoni seħħet waqt li kien qed isir xi xogħol.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Stqarrija mill-Palumbo

Il-kumpanija Palumbo ċaħdet li kien hemm xi tip ta’ splużjoni.

Palumbo ħarġet stqarrija li fiha qalet li żewġ tekniċi tagħha kienu qed jaħdmu fuq circuit breaker. Kien hemm spark li kkawżat nar żgħir.

Il-kumpanija qalet li ma kienx hemm bżonn ambulanza u li ż-żewġ persuni ttieħdu l-isptar f’karozza ta’ wieħed mill-kollegi tagħhom.

Skont Palumbo, ż-żewġ persuni li weġġgħu kienu l-aħjar tekniċi tagħha.