Splużjoni fir-Russja: is-suspettat mill-Ażja Ċentrali u għandu madwar 20 sena

Il-midja Russa qed tirrapporta li s-suspettat wara l-attakk qattiel ta’ lbieraħ f’San Pitruburgu għandu madwar 20 sena, ġej mill-Ażja Ċentrali, u magħruf li kellu kuntatti ma’ gruppi radikali Iżlamiċi.
L-ewwel rapporti qalu li kienu żewġ splużjonijiet fi stazzjonijiet tal-ferroviji f’San Pitruburgu li ħasdu l-ħajja ta’ 11-il persuna, kif ukoll darbu mill-inqas 45 ruħ, f’dak li skont l-investigaturi Russi jista’ jkun att terroristiku.
Iżda aktar tard, il-Kumitat Nazzjonali Russu ta’ Kontra t-Terroriżmu ħabbar li kienet splużjoni waħda li seħħet bejn żewġ stazjonijiet, allura affettwathom it-tnejn f’daqqa.
Filwaqt li s-suspettat ġie identifikat, għad mhux magħruf kienx bomba suwiċida jew le. Ukoll, sa issa l-ebda grupp terroristiku għadu ma refa’ r-responsabbiltà.
Minkejja dan, il-Prim Ministru Russu, Dmitry Medvedev, qal fuq Facebook li dan hu attakk terroristiku.
Sadanittant, kienu bosta l-mexxejja dinjija li wrew solidarjetà mar-Russja, fosthom il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li ċempel personalment lill-President Russu, Vladimir Putin.
Il-kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, iddeskriviet l-attakk bħala wieħed barbaru, filwaqt li l-Kap tal-Politika Barranija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, sostniet li l-Ewropa qed iżżomm fi ħsibijietha lir-Russja.
Ir-Russja ddikjarat tlitt ijiem ta’ luttu wara dan l-attakk.