Filmat: Splużjoni f’Għawdex…il-mira tkun karozza ta’ negozjant

Kmieni dalgħodu fix-Xagħra nstemgħet splużjoni kawża ta’ splussiv li tqiegħed ma’ karozza ħdejn residenza fi Triq Ġnien Xibla. Il-każ seħħ ftit qabel l-4am mal-karozza tat-tip Mercedes, li sid tagħha hu n-negozjant Malti Sandro Ciliberti, magħruf bħala c-Chilly, li jgħix Għawdex.
Filwaqt li ħadd ma weġġa’, kawża tal-isplużjoni, żewġ vetturi li kienu pparkjati quddiem id-dar kif ukoll il-bieb tal-garaxx tal-istess residenza ġarrbu xi ħsarat. Il-Pulizija, membri mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fuq il-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratti/Filmat: Marvick Bajada, Mario Saliba, Beppe Attard