Spjegat il-proċess mal-wasla ta’ immigrant għal stat ta’ refuġjat

il-Parlament, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonal, Michael Farrugia spjega l-proċess applikat mal-wasla ta’ immigrant sakemm jingħata stat ta’ refuġjat.

Bi tweġiba għal mistoqsija tad-deputat tal-PD, Dr Godfrey Farrugia, il-Ministru Farrugia qal li immigrant li jasal Malta legalment jew illegalment li juri x-xewqa li japplika għal protezzjoni internazzjonali iżda għandu akkomodazzjoni privata, imur l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati, fejn jiġi reġistrat bl-għajnuna ta’ interpretu. Jingħata Asylum Seekers Document u jingħata appuntament biex imur f’Ċentru tas-Saħħa biex ikun medically screened, u biex imur il-Eurodac Office fejn jittiħdulu l-fingerprints. Iktar tard l-immigrant jiġi mgħajjat għal intervista li ssir minn case worker tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati, il-każ jiġi studjat u tittieħed deċiżjoni jekk l-immigrant jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali.

Immigrant li jasal Malta legalment jew illegalment li juri x-xewqa li japplika għal protezzjoni internazzjonali iżda m’għandux akkomodazzjoni privata, jiġi akkomodat fl-Intial Reception Centre fejn jiġi medically screened u jittiħdulu l-fingerprints. Din il-proċedura tieħu madwar ġimgħa, wara li l-immigrant jiġi medically cleared jiġi trasferit f’Ċentru Miftuħ. Ir-reġistrazzjoni tal-immigrant għal-applikazzjoni tal-protezzjoni internazzjonali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati tista’ sseħħ qabel ma jintbagħat l-Intial Recpetion Centre, iżda l-intevista għall-protezzjoni internazzjonli ssir wara. Il-każ jiġi studjat u tittieħed deċiżjoni jekk l-immigrant jikkwalifikax għal-protezzjoni internazzjonali.

Fondi mill-UE għall-ħidma dwar l-immigrazzjoni rregolari
Fi tweġiba għal mistoqsija oħra ta’ Dr Farrugia, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali qal li l-Ministeru flimkien mad-dipartimenti, entitajiet, aġenziji u msieħba tiegħu qed jimplimentaw proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni u l-Fond Tas-Sigurtà Interna, li jifformaw parti minn Programm tà Fondi Ewropej għal Malta 2014-2020.
Bħalissa qed jiġu implimentati disà proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni b’investiment ta’ mhux inqas minn €22.06 miljun, b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea ta’ €16.87 miljuni. Barra n-nefqa attwali, il-kumplament tal-fondi huma proġettati li jintefqu sas-sena 2022.
Il-Ministru qal li l-investimenti jvarjaw minn azzjonijiet biex tiġi provduta akkomodazzjoni xierqa u sigura, sa provvista tal-ikel u għajnuniet oħra, speċjalment servizzi mediċi u soċjali. Dan minbarra għajnuniet finanzjarji oħra marbuta mar-ripatriazzjoni ta’ immigranti fuq bażi volontarja jew sfurzata, kif ukoll għas-sistemazzjoni mill-ġdid u r-rilokazzjoni taċ immigranti li jkunu ġejjin mill-Italja u l-Greċja.