Spjegalna dwar it-tabib ta’ Schembri u Fenech – It-tobba lill-Pulizija

Il-Kunsill Mediku jitlob informazzjoni mingħand il-Kummissarju

Read in English.

Il-Kunsill Mediku ta’ Malta se jkun qed jitlob informazzjoni dwar it-tabib ta’ Keith Schembri u Yorgen Fenech mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Kelliem għall-Kunsill Mediku qal lil Newsbook.com.mt li t-tabib Adrian Vella ġie diskuss fl-ewwel laqgħa tal-kunsill wara li beda jissemma Vella fil-midja. Lejn l-aħħar ta’ Novembru Vella ammetta li għadda messaġġi sigrieti lil Yorgen Fenech mingħand l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, bħalissa jinsab akkużat il-Qorti li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Schembri rreżenja wara li hu wkoll issemma li kien involut fil-qtil. Però Schembri ġie meħlus mill-arrest.

“Filwaqt li nikkonferma li fl-ewwel opportunità, u cioè l-laqgħta tal-kunsill skedata għal nhar il-Erbgħa 4 ta’ Diċembru 2019 saret diskussjoni dwar l-istess, sar qbil li tintalab formalment l-informazzjoni kollha u neċessarja lill-Kummissarju tal-Pulizija u dan sabiex jiġu stabbiliti l-fatti,” qal il-kelliem lil Newsbook.com.mt.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei qal lil Newsbook.com.mt li t-tabib Vella ma jaħdimx fl-isptar Mater Dei.

It-tabib tal-familja ta’ Yorgen Fenech, Adrian Vella, ammetta li għadda messaġġi sigrieti lil Yorgen Fenech mingħand l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan ġie rrappurtat mis-sit Lovin Malta.

L-istess sit qed jgħid li ż-żjara riċenti ta’ Yorgen Fenech fl-Isptar Mater Dei setgħet saret apposta biex Schembri jkun jista’ jżomm kuntatt ma’ Fenech. Is-sit irrapporta li Adrian Vella ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija, fuq suspett li kien il-messaġġier bejn Fenech u Schembri. Dan ġie kkonfermat indipendentament minn Newsbook.com.mt.

Kelliem għall-Kunsill Mediku qal lil Newsbook.com.mt li wara li jiġu stabbiliti l-fatti, “jittieħdu l-proċeduri neċessarji skont il-każ.”

Fil-Qorti wkoll l-avukat Gianluca Caruana Curran, semma’ kif it-tabib għadda noti mingħand Keith Schembri lil Fenech. L-avukat qal dan waqt kawża miftuħa minn Yorgen Fenech biex l-ispettur Keith Arnaud ma jibqax ikollu sehem fl-investigazzjoni b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Skont Yorgen Fenech, Arnaud huwa qrib ħafna ta’ Keith Schembri.