Spiżjar f’San Vinċenz bil-Covid-19; il-kollegi tħallew iqassmu l-mediċina

Il-kollegi ta’ spiżjar li jaħdem fir-Residenza San Vinċenz de Paule, li rriżulta pożittiv għall-Covid-19, tħallew iqassmu l-mediċina minkejja li kienu għadhom ma rċivewx riżultat għall-iswab test li għamlu.

Sors informa lil Newsbook.com.mt li għalkemm il-ħaddiema għamlu swab test nhar il-Ġimgħa filgħodu, huma xorta tħallew iqassmu l-mediċina sakemm kienu qed jistennew ir-riżultat, u ma tqegħdux f’iżolament.

Mistoqsija dwar dan, Josianne Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz, la kkonfermat u lanqas ċaħdet. Qalet biss li ttieħdu l-miżuri kollha marbutin mar-regolamenti tas-saħħa pubblika u tal-contact tracing.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsiha wkoll jekk fiċ-ċirkostanzi msemmija, l-awtoritajiet tas-saħħa jitolbux li l-ħaddiema jitpoġġew f’iżolament jew jekk skont l-istess awtoritajiet, m’hemmx għalfejn jitpoġġew f’iżolament u jistgħu jibqgħu jqassmu l-pilloli.

Dr Cutajar ma wiġbitx għal din il-mistoqsija.

Għadd ta’ assoċjazzjonijiet tal-professjonisti llum stqarrew li l-miżuri fis-seħħ kontra l-Covid-19 mhumiex biżżejjed biex jonqsu l-każijiet li qegħdin jitħabbru f’numri allarmanti ta’ kuljum.

L-aħħar żewġ imwiet bil-Covid-19 huma dawk ta’ żewġ persuni li kellhom fuq is-70. B’hekk b’kollox mietu 106 persuni f’Malta bil-coronavirus.