Spiżeriji b’mediċina out of stock. Il-Ministeru jgħid li disponibbli

Skont il-Ministeru tas-Saħħa, il-mediċina Lisinopril u l-Omeprazole, li tittieħed għall-pressjoni għolja u problemi fil-qalb, u għall-ħruq kroniku fl-istonku rispettivament, huma disponibbli.

Madanakollu qarrejja ta’ Newsbook.com.mt, li huma dipendenti fuq din il-mediċina qalu li lbieraħ stess marru biex jiġbru dawn il-mediċini iżda t-tweġiba li ngħataw kienet li huma out of stock.

Newsbook.com.mt ikkuntattja wkoll diversi spiżjara li kollha kkonfermaw li l-Lisinopril għadu out of stock, b’wieħed minnhom jisħaq li din il-mediċina ilha nieqsa għal dawn l-aħħar tliet xhur.

Dwar l-Omeprazole, wieħed mill-ispiżjara qalilna li lbieraħ waranofsinhar daħal xi stokk, iżda l-ammont huwa wieħed ‘redikolu’.  Oħrajn qalu li minħabba li l-ammont li qed jirċievu huwa żgħir ħafna, qed ikollhom iqassmu ammonti żgħar lill-klijenti tagħhom skont l-urġenza u l-gravità tal-każ. Spiżjara oħra qalu li jimxu fuq bażi ta' first come first served. 

Spiżjar minnhom wera t-tħassib tiegħu li minn iktar minn 2,000 pillola tal-Omeprazole li kien jirċievi fl-ispiżerija tiegħu, issa qed jirċievi biss ftit iktar minn 100.

It-tweġibiet min-naħa tal-Ministeru tas-Saħħa waslu għand Newsbook.com.mt wara li lbieraħ ġie ppubblikat artiklu dwar il-mediċini out of stock mill-ispiżeriji tal-Gvern u l-POYC.

Dwar il-Lisinopril u l-Omeprazole, il-Ministeru tas-Saħħa qal li d-dipartiment qed jistenna li jirċievi iktar stokk f’Settembru.

Rigward is-Salicyclic Acid u d-Decutan, li jintużaw għall-kundizzjonijiet fil-ġilda, il-Ministeru tas-Saħħa qal li dawn il-mediċini huma neqsin mill-pajjiżi kollha minħabba problema internazzjonali fil-manifattura.

Dwar il-Creon, mediċina għal min ibati biex jiddiġerixxi l-ikel, il-kelliem tal-Ministeru tas-Saħħa qal li din il-mediċina kienet disponibbli u li għandha tasal sal-aħħar ta' dan ix-xahar.

Ma ngħatatx informazzjoni dwar is-suppożitorji Mesalazine, li jintużaw għall-infjammazzjoni qawwija fl-imsaren, u li skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jinsabu wkoll out of stock.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.