Spiteri jbassar kollass fis-sistema tas-saħħa jekk ma jkollniex miżuri f’waqthom

Stephen Spiteri
Miguela Xuereb

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa bassar li se jkun hawn kollass fis-sistema tas-saħħa “jekk m’aħniex se nikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19 b’miżuri stretti u f’waqthom u b’loġistika effettiva.”

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti Maria Deguara.

Spiteri qal li għal din is-sitwazzjoni wrew it-tħassib tagħhom l-imsieħba soċjali fosthom il-MAM u l-MUMN. Huwa qal li din pandemija li qed tolqot lil kulħadd b’impatt kbir b’mod speċjali lill-ħaddiema tas-saħħa.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa qal li huwa ta’ importanza assoluta li nikkontrollaw bl-aħjar mod possibbli l-imxija tal-virus fil-komunità. Hija propju din ir-raġuni għaliex il-PN waqqaf tim ta’ azzjoni biex jiġġieled il-pandemija u jressaq il-proposti, li jinkludu li jiddaħħal reġim sħiħ t’ittestjar għal kull min jiġi Malta minn barra permezz ta’ rapid testing obbligatorju fil-punt tad-dħul tal-pajjiż.

Maria Deguara qalet li kien żball li qabel it-tieni mewġa tal-Covid-19 il-poplu ngħata messaġġi konflinġenti mill-Prim Ministru nnifsu. Saħqet li, “Il-Gvern abbanduna l-kawtela u llum ninsabu f’sitwazzjoni b’numru rekord ta’ każi ġodda, numru rekord ta’ nies kontaġġjati u sfortunatament in-numru tal-imwiet dejjem jikber.”

Żiedet tgħid li issa li x-xitwa qiegħda magħna, is-sitwazzjoni se tiqliel minħabba li apparti l-virus, ikun hawn l-influwenza. Temmet tgħid li jeħtieġ li n-nies jikkollaboraw mal-awtoritajiet u jobdu l-miżuri.