​Spicer jirriżenja mill-White House: “Ħafna kokijiet fil-kċina”

Is-Segretarju tal-Istampa tal-White House Sean Spicer irriżenja mill-kariga tiegħu, allegatament b’sinjal ta’ protesta għal tibdil fl-istruttura tal-presidenza Amerikana.
Jidher li Spicer irriżenja għax ma kienx kuntent bil-ħatra ta’ direttur ġdid għall-komunikazzjoni min-naħa tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Id-direttur il-ġdid huwa l-espert finanzjarju Anthony Scaramucci, fejn Spicer qal li b’din il-ħatra se jkun hemm “ħafna kokijiet fil-kċina” u ddeskriviha bħala “żball kbir”.
Dan it-tibdil fl-organizzazzjoni tal-White House qed jasal fost diversi investigazzjonijiet dwar allegat tbagħbis Russu fl-aħħar elezzjoni presidenzjali.