Spiċċat il-ħabs għax “il-liġi nkitbet ħażin” – avukat

Mara laqtet sentenza ta' 6 xhur ħabs għal 6.83g tal-kannabis

Mara ta’ 39 sena li laqtet sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li kabbret il-kannabis qed tappella mis-sentenza. L-avukat tagħha qal li l-klijenta tiegħu ntbgħatet il-ħabs għax il-liġi nkitbet b’mod ħażin.

Fi stqarrija l-avukat Joe Giglio qal li ntalab jissottometti l-appell mis-sentenza li ngħatat il-mara mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fit-30 ta’ Ottubru.

Giglio spjega li l-liġi tgħid li xi ħadd li jinstab ħati li kabbar mhux aktar minn pjanta tal-kannabis waħda għall-użu personali m’hemmx għalfejn jitbagħat il-ħabs. Meta qatgħet is-sentenza, il-Maġistrat kienet qalet li l-liġi riedet tevita sitwazzjonijiet fejn il-Qorti kienet sfurzata timponi sentenzi effettivi ta’ ħabs anke meta l-Qorti ma kinetx temmen li każ ikun jimmerita sentenza ta’ ħabs.

Il-Maġistrat qal li jekk jinzerta li tikber aktar minn pjanta waħda waqt il-kultivazzjoni tal-kannabis, il-Qorti jkollha timponi sentenza ta’ ħabs.

Giglio qal li ma jagħmilx sens li jkun hemm sitwazzjoni fejn il-qorti jkollha tibgħat persuna l-ħabs meta l-Qorti ma tkunx trid tagħmel dan.

Żied jgħid li ma jagħmilx sens li minħabba żbalji fit-tfassil tal-liġi l-ħajja tan-nies tittiefes b’dan il-mod.

“Skont din il-liġi l-ġdida, jekk tkun fill-pussess ta’ inqas minn 3.5 gramma inti lanqas titressaq il-Qorti. Però, jekk inti tiddeċiedi tkabbar il-kannabis tiegħek minflok tixtriha minn xi traffikant tad-droga, u mill-pjanta tiegħek tfeġġ aktar minn pjanta waħda, inti mbagħad taffaċċja sentenza mandatorja ta’ ħabs ta’ mill-inqas sitt xhur,” qal Giglio.

Il-każ beda fl-2014 meta saret tfittxija fid-dar tal-mara, Marieclaire Camilleri. Il-Pulizija sabet sitt pjanti żgħar tal-kannabis f’qasrija żgħira. B’kollox kellha 6.83 gramma tal-kannabis.

Ir-riforma fil-liġi dwar id-droga kienet intiża biex tiddistingwi bejn dawk in-nies li jikkultivaw id-droga għall-użu personali tagħhom u dawk li jitraffikawha.