“Spiċċajt insultat mill-parker talli ma tajtux flus”

Raġel qasam l-esperjenza tiegħu ma’ Newsbook.com.mt dwar kif ilbieraħ spiċċa insultat meta ma tax flus lill-parker li jkun f'wieħed mill-parkeġġi tal-Furjana. 
Dan minkejja li Transport Malta kienet qalet ċar u tond li l-parkers f'parkeġġi pubbliċi m'għandhomx jitolbu donazzjoni lis-sewwieqa.
Paul* spjega kif meta qal lill-parker li mhux obbligat li jħallas, wieħed mill-parkers għajat kliem oxxen, u lis-sewwieq qallu “Se tikmandali lsieni issa wkoll?”
Meta ċempel lill-Kwartieri tal-Pulizija, il-persuna fuq il-linja infurmatu li jekk irid jagħmel rapport, irid imur fiżikament fl-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta. Hemm, il-pulizija qallu li jekk irid jagħmel rapport, irid ikun lest biex jipproċedi bil-Qorti. Hawn Paul oġġezzjona għax dan ikun ifisser spejjeż żejda u jitlef il-ħin mix-xogħol.
Spjega kif l-għażla oħra li offrielu l-pulizija kienet li jsejjaħ lill-parker fl-għassa fejn ikun jista’ wkoll iwiddbu. Ir-raġel aċċetta, u l-parker issejjaħ fl-għassa, fejn kien hemm ukoll sitt pulizija.
Il-parker ammetta li talbu l-flus u li insultah. Minkejja dan, il-pulizija qalulu biss biex jiskuża ruħu u talbu lir-raġel u lill-parker jieħdu b’id xulxin u jinsew l-inċident.
Paul sostna ma’ Newsbook.com.mt li din l-attitudni sempliċiment tagħti saħħa lill-persuni bħal dan il-parker biex ikomplu jkunu bullies u jitolbu l-flus "għax jafu li ħadd mhu se jipproċedi kontrihom fil-qorti."
Ir-raġel qal li l-istess inċident ġara l-għada tal-Milied, ma’ parker differenti, din id-darba fil-Foss tal-Imdina. Paul qal li l-parker beda jinsultah quddiem martu u binhom talli rrifjuta jtih donazzjoni.
Dakinhar ir-raġel prova darbtejn jagħmel rapport fl-għassa tal-pulizija tal-Imdina iżda ma sab lil ħadd ġewwa.

*Paul huwa isem fittizju għaliex ir-raġel xtaq jibqa' anonimu.