“Spiċċajna fi spazju magħluq ma’ passiġġieri mill-Italja”

Read in English.

Matul il-jum tal-Ġimgħa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spikkaw għexieren ta’ passiġġieri minn titjiriet differenti li spiċċaw jistennew fi kju twil minħabba l-iscreening għall-coronavirus.

Minn nhar it-Tnejn li għadda, mal-wasla fl-ajruport, kull passiġġier qed jiġi ċċekkjat wieħed wieħed minn sistema ta’ screening għal dan il-virus. Dan qed iwassal għal kjus twal.

Passiġġieri li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għalkemm tajjeb li kulħadd qed jgħaddi mill-iscreening, ħafna passiġġieri miġburin fi spazju magħluq minn titjiriet differenti mhuwiex ideali. Semmew fost l-oħrajn li magħhom kien hemm passiġġieri li kienu ġejjin mill-Italja, fejn sa issa l-coronavirus qatel 17-il persuna, filwaqt li 650 persuna oħra huma infettati.

Newsbook.com.mt tkellem mall-kelliem għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li kkonferma li illum kien hemm dewmien twil minħabba l-proċess tal-iscreening. Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit, illum ma kienx hemm iktar titjiriet mis-soltu u għaldaqstant dawn il-kjus mistennija jkunu xi ħaġa ta’ kuljum.

Intant, illum, Dr Frank Portelli, sostna li l-istaff tal-ajruport jinsab f’riskju li jilħaq jiġi infettat bil-coronavirus sakemm persuna tgħaddi mill-kontrolli tal-immigrazzjoni fejn qed isir l-iscreening.

Dwar dan kiteb ukoll id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li fuq il-mezzi soċjali qal li kellmuh numru ta’ uffiċjali tal-immigrazzjoni li jaħdmu fl-ajruport, li huma “inkwetati li qed ikollhom kuntatt dirett ma’ passiġġieri li qed jaslu Malta, qabel ma jsir screening tagħhom”. Fenech Adami saħaq li dan mhux sew u min hu responsabbli għandu jara li din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata immedjatament”.

Kellmuni numru ta ufficjali tal immigrazzjoni li jahdmu gewwa l ajruport inkwetati li qed ikollhom kuntatt dirett ma…

Posted by Beppe Fenech Adami on Friday, February 28, 2020