“Spiċċa ż-żmien li minn barra l-partit jippruvaw jiddettaw kif nitkellmu” – Adrian Delia

Il-kandidat għall-kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li l-amministrazzjoni l-ġdida tal-partit trid tiftaħ proċess ta’ djalogu wiesa’. Madanakollu kompla jgħid li din m’għandha tħalli lil ħadd minn barra l-partit jipprova jiddetta kif għandha titkellem.
Dr Delia saħaq li l-partit irid ifassal l-aġenda tiegħu fuq politika tan-nies wara li jkun sema’ u ddiskuta mas-saffi kollha fi ħdanu.
Irid li l-aġenda tal-PN issir mill-partit stess għax skontu huma l-membri tal-kumitat u l-kunsilliera li jmissu mal-problemi tan-nies.
Il-kandidat qal ukoll li ltaqa’ ma’ diversi nies li jibżgħu li xi erbgħa min-nies se jingħalqu f’kamra u jiddeċiedu l-aġenda tal-partit huma biss. Huwa wiegħed li bħala kap tal-PN dan mhux se jiġri. 
Adrian Delia tenna li l-PN hu partit kbir b’135,000 votant warajh, kif ukoll b’eluf oħra li lesti jerġgħu jivvutawlu jekk jaraw mod ġdid fit-tmexxija.
“Dan jimlina kuraġġ li minkejja kollox hemm bażi soda fuq xiex wieħed jista' jibni, basta kulħadd jifhem li ħadd mhu akbar mill-partit,” qal Adrian Delia.