“Spiċċa ż-żmien li Malta tagħna lkoll”

L-eks-President tal-Kunsill Studenti Universitarji Karl Grech qal li spiċċa ż-żmien li Malta hija tagħna lkoll. 
Waqt id-dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-korruzzjoni, Grech tenna li “kellna niġu hawnhekk għax l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, li huma s-sisien tad-demokrazija, illum jinsabu mhedda. Qegħdin nistennew lill-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu azzjoni.”
Grech staqsa kif jista' l-Prim Ministru jgħidi li Malta tagħna lkoll meta lanqas mhu jisma’ mill-esponenti Laburtisti meta jgħidulu biex jieħu deċiżjoni.
Saħaq li f’pajjiżi fejn "id-demokrazzija mhix ostaġġ ta tliet min-nies, qegħdin naraw movimenti tan-nies tal-pajjiżi involuti bħall-Iżlanda u l-Ingilterra, biex iwarbu lil min mhux imexxi ġustament b’mod trasparenti u b’involviment fil-korruzjoni”.
Qal li s-skiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schemrbi ifisser li huma jafu x’qed jiġri.
Tenna li la jafu li l-poplu Malti għandu suspetti tiegħu, u jibqgħu hemm, il-pożizzjoni tagħhom mhix tennibli.
Temm jgħid li jekk il-PM jibqa’ jgħid li n-nies ta' madwaru ma għamlu xjen ħażin għandu jdabbar rasu magħhom. 
"Sabiex il-Prim Ministru jkollu l-awtorità morali li jiddefendi l-industrija ta’ servizzi finanzjarji ma jistax jibqa’ jkaxkar saqajh"
Fl-intervent tiegħu l-Avukat Arthur Galea Salamone qal li hemm bżonn li Malta titbiegħed minn din l-isħaba sewda ta’ korruzzjoni, u terġa tibda tgawdi r-reputazzjoni li kellha fis-settur finanzjarju”.
Tenna li hemm bżonn li ttieħed azzjoni u mhux bil-kliem biss. Saħaq li ma tagħmilx sens li f’nifs wieħed tgħid li hemm bżonn li nkunu trasparenti, imbagħad fl-istess nifs tiddefendi lil min fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.”
Qal li “l-irġulija ma titkejjilx bl-audit, il-kejl mhux sraqt jew ma sraqtx, jew inqbadt jew ma nqbadtx. Mill-politiċi nistennew ferm aktar milli biss l-ħarsien tal-liġi. Nistennew irġulija, integrità, imġieba etika, korretta u trasparenti.”
Appella lill-politiċi biex niġbdu ħabel wieħed, il-politiċi taż-żewġ naħat. Warrbu l-interess personali u ħarsu lejn l-interess nazzjonali”.
"Kienet hemm il-Ħolma li Malta tkun tagħna lkoll"
Il-Membru Parlamentari Indipendenti Marlene Farrugia qalet li l-ħolma li Malta tkun tagħna lkoll kienet hemm. Qalet li llum qiegħda l-protesta għax trid li Malta tinbidel għall-aħjar.
Tenniet li l-koruzzjoni għandha l-wiċċ ta’ opportunitajiet mitlufa għall-poplu.
Qalet li l-Partit Laburista neħħa lill-Partit Nazzjonalista mill-Gvern biex jogħoqdu fl-Oppożizzjoni. Issa huwa xogħolhom li jkunu Oppożizzjoni kostruttiva.
Saħqet li mhux bizżżejjed li ngħidu li għandna ekonomija b’saħħitha.  Qalet li l-flus li ninvestu għall-pajjż imorru biex jinqata’ l-prekarjat u biex il-familji jkollhom għixien kif jixirqilhom.
Qalet li l-ekonomija b’saħħitha hija frott ukoll tal-ħidma ta’ 25 sena tal-PN. Tenniet li kull ma żied dan il-Gvern hu mgħerreq fl-iskandli.