“Spiċċa nofsu mejjet fit-triq qisu kelb” – qarib ta’ Simon Schembri

Qarib ta’ Simon Schembri, il-pulizija tat-traffiku li qed jissielet għal ħajtu, b’dieqa kbira stqarr kif Schembri spiċċa “nofsu mejjet fit-triq qisu kelb”.
Simon Schembri ttajjar minn żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil.
F’messaġġ imqanqal fuq Facebook, iz-ziju tal-mara tal-pulizija semma kif dan il-każ wasslu għal operazzjoni ta’ erba’ sigħat minħabba li kiser il-kustilji kollha u ttaqqablu l-pulmun.
Għal din ir-raġuni jemmen li m’għandux ikun hemm l-ebda ħjiel ta’ simpatija lejn l-akkużat.
Huwa faħħar l-atti erojċi tiegħu fost l-oħrajn meta ħames snin ilu meta kien barra mal-familja, induna li saret serqa “u saq wara l-ħalliel sakemm qabdu u arrestah”.
Insista kemm Schembri kien pulizija eżemplari.
Ritratt: Malta Motorsport Federation