“Spiċċa b’€500,000 dejn minħabba l-kokaina”

Image by Małgorzata Tomczak from Pixabay

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt semma każ ta’ persuna fin-negozju li minħabba l-kokaina u għax damet ma rrikorriet għall-għajnuna spiċċat b’€500,000 dejn.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, id-Direttur irrimarka li d-droga tant raħset, li saret iktar aċċessibbli anke għal ċertu strati tas-soċjetà. Spjega li jkun hemm min idum is-snin vittma tad-droga qabel ma jitlob għall-għajnuna.

“Id-droga kalvarju”

Huwa fisser li d-droga qatt ma tillibera jew tagħmel lil xi persuna kuntenta, iżda minflok tagħmlilhom ħajjithom kalvarju.

Semma kif bħalissa hemm madwar 2,500 individwu li għandhom bżonn xi forma ta’ trattament u li qed jirċievu l-għajnuna permezz tas-servizzi tal-Caritas u ta’ entitajiet oħra, bħall-Oasi u s-Sedqa.

Aqra: Wasal biex jittaqqab quddiem ommu; talabha maħfra

Żieda fil-kokaina u l-kannabis, tnaqqis fl-eroina

Gatt enfasizza li l-użu tad-droga kokaina u kannabis żdied, filwaqt li naqsu l-każi ġodda ta’ dawk li jieħdu l-eroina.

Irrefera għal statistika li turi li fl-2015, 13% ta’ dawk li jużaw il-kannabis kellhom 15-il sena.  Skont l-aħħar ċensiment, 4% tal-popolazzjoni adulta xi darba jew oħra għamlet użu mill-kannabis. Skont stħarriġ li sar f’Jannar li għadda, din iċ-ċifra telgħet għal 9%.

Dwar il-kokaina, id-Direttur tal-Caritas qal li kien hemm żmien li din kienet tittieħed mill-elite biss, minħabba prezzijiet għoljin. Fisser li issa din qed jispiċċa jeħodha kulħadd għax il-prezz hu aktar aċċessibbli.

Id-droga twassal għas-serq

Semma wkoll il-vizzju tas-serq, li jmur id f’id mad-droga, u kif id-droga twassal biex persuni jisirqu mid-djar tal-ġenituri tagħhom stess bħal deheb u saħansitra televixin.

X’servizzi toffri l-Caritas?

Filwaqt li fakkar li l-Caritas ma toffrix biss għajnuna għal problemi bid-droga, Anthony Gatt elenka numri ta’ servizzi fil-qasam tad-droga:

  • F’każ li l-vittma tad-droga ma tkunx trid għajnuna, dawk qrib tagħhom huma mħeġġa jmorru mill-ewwel fiċ-Ċentru ta’ Outreach fi Triq il-Kapuċċini l-Furjana jew iċemplu għal appuntament fuq 21237935.
  • Programmi residenzjali għal nies bi problema akuta ħafna u li jkollhom bżonn jinqatgħu mis-soċjetà għal xi żmien sakemm isibu saqajhom: Iċ-Ċentru San Blas, Unit tan-nisa, xelters eċċ.
  • Prison inmates programme f’Baħar iċ-Ċagħaq: Dawk li jkunu skontaw sentenza ħabs, iqattgħu l-aħħar ftit jagħmlu dan il-programm, biex jipprepraw ruħhom għas-soċjetà.
  • Dar Charles Miceli: Ċentru tal-after care fil-Mosta. Din id-dar infetħet madwar sena ilu u tkun miftuħa 24 siegħa kuljum. Hawnhekk imorru nies li ħarġu mill-programmi u jkollhom bżonn ifittxu s-sapport, fost l-oħrajn jekk jerġa’ jiġihom l-aptit tad-droga.

F’appell imqanqal, Gatt ħeġġeġ lil dawk li qed iħossuhom fid-dlam jew iddisprati, biex jirrikorru għall-għajnuna fuq 21237935, u ġurnata wara ġurnata flimkien isibu l-mod kif joħorġu mill-abbiss.