Spetturi ta’ Moneyval jiltaqgħu mal-Papa Franġisku

St._Peters_Basilica_in_Vatican_City

Il-Papa Franġisku insista dwar il-ħtieġa għall-finanzi nodfa li jservu lill-umanità, speċjalment lill-aktar membri dgħajfa tas-soċjetà. Meta kien qed jindirizza lill-membri mill-programm Moneyval, il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li l-persuni li jaħdmu fid-dinja tal-finanzi m’għandhomx jitħallew jispekulaw dwar l-umanità.

Il-Vatikan irċieva l-ispetturi bħala parti mill-isforzi tiegħu biex jidħol fil-lista l-bajda ta’ pajjiżi li għandhom stat ta’ finanzi tajbin fir-rigward tal-ħasil tal-flus, u atti finanzjarji illegali oħra bħall-iffinanzjar ta’ terroriżmu.

Il-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa wasal fil-Vatikan fit-30 ta’ Settembru biex jivvaluta l-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ terroriżmu. Iż-żjara kienet miftiehma fl-2019, u qed isseħħ fiċ-ċiklu ta’ valutazzjonijiet perjodiċi li huma suġġetti għalihom il-ġurisdizzjonijiet kollha li huma parti minn Moneyval, skont skeda stabbilita minn qabel.

Il-papa Franġisku qalilhom li din hija biċċa xogħol li “hija partikolarment importanti għalija”, li titwettaq “biex tippromwovi ‘finanzi nodfa’ fejn ‘dawk li jaħdmu fil-finanzi’ ma jitħallewx jispekulaw fit-‘tempju’ sagru tal-umanità.”

Huwa fakkar li “il-Vatikan dan l-aħħar introduċa miżuri fis-sistema legali tiegħu, immirati biex tkun żgurata t-trasparenza fl-immaniġjar tal-flus u fil-prevenzjoni ta’ ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.”

Fid-diskors tiegħu, il-Papa esprima x-xewqa tiegħu għal sistema finanzjarja “li ma toppressax lil dawk li huma l-aktar dgħajfa u li għandhom l-aktar bżonn ta’ għajnuna.” Huwa reġa’ enfasizza l-ħtieġa li “nirriflettu mill-ġdid dwar ir-relazzjoni tagħna mal-flus,” għax “f’diversi postijiet is-supremità tal-flus fuq il-persuni mhix qed tingħata attenzjoni.”

“Xi kultant, fl-isforz biex in-nies jiksbu aktar ġid, ftit li xejn tingħata attenzjoni għal minn fejn dan ikun ġej, u l-mekkaniżmi ta’ esplojtazzjoni li jistgħu jkunu moħbija. Għalhekk, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ flus, inċappsu jdejna bid-demm, id-demm ta’ ħutna. Jista’ jiġri wkoll li riżorsi finanzjarji jintużaw biex tixxerred il-biża’, biex isostnu li l dawk li għandhom l-aktar poter, li huma l-aktar qawwija, u lil dawk li huma lesti li jissagrifikaw il-ħajjiet ta’ ħuthom mingħajr l-ebda skruplu, kollha biex jiksbu aktar poter.”

Fuq il-passi tal-qaddis San Pawlu VI, il-Papa reġa’ dar għall-proposta biex jitwaqqaf Fond globali biex jgħin il-bżonnijiet tal-fqar u ta’ dawk li jbatu l-ġuħ, billi “jitwarrbu fondi li s-soltu jintnefqu fuq operazzjonijiet militari.”